Xogħol ta’ riġenerazzjoni, li sar fuq 17-il blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Fgura fejn jgħixu 102 familji, ġie inawgurat mill-Ministru responsabbli Roderick Galdes.
B’investiment ta’ madwar €820,000, il-proġett li twettaq mill-Awtorità tad-Djar, kien jikkonsisti fit-tisbiħ tal-faċċati kollha tal-blokok, il-partijiet tal-komun u anke l-bjut.
Dwar dawn ix-xogħlijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli enfasizza fuq l-importanza ta’ proġetti simili, li komplew isiru f’postijiet soċjali simili.
“Bil-għan li wkoll nagħtu dehra ġdida mill-isbaħ ukoll lil dawn l-oqsma tad-djar importanti li hawn fil-lokalità tal-Fgura, mhux biss ngħinu lill-komunità, imma aħna jinteressana wkoll minn dawk il-familji wkoll li jgħixu fl-oqsma tad-djar soċjali, li huma l-assi tal-Gvern, li b’hekk qed jagħtu dehra mill-isbaħ lill-komunità tagħna.”
Hu kompla jistqarr li l-Awtorità tad-Djar qed twettaq dan ix-xogħol f’bosta lokalitajiet f’pajjiżna biex b’hekk tiżgura li tolqot numru sostanzjali ta’ familji u tagħmel differenza fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Waqt li Gvernijiet Laburisti passati investew fi blokok ta’ akkomodazzjoni mferrxin mal-pajjiż kollu, mill-2013 lil hawn tnieda l-akbar investiment fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali li minnu diġà qed igawdu għadd kbir ta’ familji.
Wara nuqqas ta’ diversi snin, mhux biss bdew jinħolqu numru ta’ blokok ġodda, iżda wkoll bdiet issir manutenzjoni kbira f’oħrajn antiki.