Ġie inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni taż-żona fejn jinżammu d-dgħajjes fix-Xlendi.
Ix-xogħlijiet b’investiment ta’ nofs miljun ewro mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, raw it-tibdil tal-art u l-bini ta’ kamra ġdida għall-winċ.
Dan filwaqt li nbidel l-apparat fis-sit u kienu nstallati kameras ta-sigurtà.
Ġiet installata wkoll sistema ta’ distribuzzjoni ġdida tad-dawl u tal-ilma li se jippermettu lis-sajjieda sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni fuq id-dgħajjes tagħhom f’ambjent aktar komdu u sigur.
Ix-xogħlijiet inkludew ukoll firewall sabiex jissalvagwardja s-saħħa ta’ min ikun fl-inħawi tas-sit f’każ ta’ nar fiż-żona u tank sabiex iż-żjut li joriġinaw mix-xogħlijiet li jsiru fuq id-dgħajjes ma jispiċċawx fil-baħar.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li bit-twettiq ta’ dan il-proġett inżammet il-wegħda li jitlesta qabel is-sajf.
“Dan huwa proġett li jġonġi s-supply chain tas-sajjieda li mhux biss joħorġu u jġibulna l-ħut frisk ta’ kuljum u għaldaqstant għandna ninċentivaw is-sajjieda sabiex joperaw b’mod aħjar, iżda wkoll ir-ristoranti li jużaw l-istess ħut frisk ta’ kuljum sabiex jagħtu prodott mill-aħjar lil dawk kollha li jżuru l-gżira tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-proġett b’fondi tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern qed jgħin lis-sajjieda Għawdxin b’faċilitajiet ġodda.
“Żġur li se jservu biex inkomplu nsaħħu l-qasam tas-sajd, nagħtu aktar soljev u sostenn lil dan is-settur li fl-aħħar mill-aħħar għax huwa parti minn dak is-setturi li joffrilna tant ikel bnin kif ukoll nsostnu waħda minn dawk l-oqsma bi tradizzjoni kbira fil-gżira ta’ Għawdex.”