Fi tliet xhur u bi spiża ta’ tliet mitt elf ewro f’xogħlijiet ta’ tisbiħ, ix-Xatt tax-Xemxija saritlu riġenerazzjoni bil-għan li tissaħħaħ l-infrastruttura turistika.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu fost oħrajn ir-rinovar tar-railings u titjib fil-pavimentar.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li dan il-proġett huwa msejjes fuq prinċipji ta’ aċċessibilità u effiċjenza.
Huwa stqarr: “L-impenn tagħna jibqa’ wieħed, dak illi nagħmlu lil Malta ċentru ta’ eċċellenza turistika li dan kollu se jkun qiegħed jgħin sabiex inpoġġu verament il-futur tat-turiżmu sostenibbli għal pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg irrimarka li dan l-investiment huwa wieħed strateġiku għas-settur turistiku Malti.
Huwa qal, “Ma jistax ikollok turisti ta’ kwalità li jiġu mbagħad f’żoni li jkunu ta’ inqas minn dak li huma l-aspettattivi tagħhom fejn għandu x’jaqsam is-settur turistiku.”
Huwa temm jgħid li l-Awtorità ser tibqa’ kommessa li tagħti appoġġ u tħeġġeġ aktar investimenti ta’ dan it-tip. B’hekk ikun assigurat prodott turistiku sostenibbli u ta’ kwalità.