L-anzjani li jattendu ċ-ċentru ta’ Anzjanità Attiva f’San Pawl il-Baħar flimkien mal-ħaddiema, ħejjew għadd ta’ rigali magħmulin bl-idejn fl-okkażjoni tal-Għid il-Kbir, biex jingħataw lil tfal li bħalissa jinsabu taħt ordni ta’ ħarsien.
Id-Direttur tal-Kura Alternattiva tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Remenda Grech, saħqet fuq l-importantza ta’ inizjattivi bħal dawn li jixprunaw is-solidarjetà soċjali.
Qalet kif, “Importanti ħafna speċjalment f’dawn iż-żminijiet li ngħixu fihom, li nagħrfu s-solidarjetà soċjali bejn l-anzjani u t-tfal fi djar tal-komunità u kemm huwa sabiħ li żewġ ġenerazzjonijiet jaħdmu bejniethom b’dan il-mod.”
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia saħaq li jrid jara inizjattivi bħal dawn, isiru matul is-sena kollha.
Spjega, “Settur li rridu nagħtu importanza kbira hija r-relazzjoni bejn l-anzjani u persuni ta’ età żgħira, tfal u teenagers, relazzjoni interġenerazzjonali li trid tkun il-punt fejn aħna rridu nimxu ’l quddiem fil-ħidma fis-settur tal-anzjanità.”
Il-Ministru saħaq li din is-sena ma kinitx faċli għal pajjiżna speċjalment għall-anzjani, iżda dawn il-proġetti għenu biex l-anzjani jsibu sens f’dawn il-ġranet ta’ sfida billi jikkomunikaw u jaħdmu ma’ ġenerazzjonijiet differenti.