L-inizjattiva ‘Rigal b Mħabba’, li qed issir għat-tielet sena konsekuttiva, fuq inizjattiva ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela flimkien ma’ binthom Giorgia Mae, għal din is-sena mhux biss qed tinfirex mal-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex, kif ukoll, fuq xewqa tat-tfajjel Jake Vella, se jinġabru wkoll prodotti għall-annimali taħt is-siġra tal-Milied tal-isptar Mater Dei.
Jake, li bħalissa jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei, xorta waħda jixtieq li l-ispirtu tal-Milied din is-sena jinfirex għand kulħadd.
Flimkien ma’ Jake Vella, is-Sinjura Abela qalet li x-xewqa ta’ Jake għal Rigal bi Mħabba ta’ din is-sena tirrifletti l-imħabba li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin għall-annimali.
“Din is-sena, fuq xewqa ta’ Jake Vella, se tkun qed issir Rigal bi Mħabba b’risq l-annimali, b’risq dawk illi m’għandhom vuċi, u għalhekk in-nies kollha ta’ madwar Malta u Għawdex, b’mod partikolari dawk li se jkunu qegħdin iżuru hawnhekk lil xi pazjent jew familjari tagħhom, biex jiġu hawnhekk u jħallu prodotti għall-annimali taħt is-siġra tal-Milied.”
Min-naħa tiegħu, Jake qal li għalkemm jinsab rikoverat l-isptar f’dawn iż-żmien ta’ Festi, jinsab kuntent li ħabbar din l-inizjattiva flimkien ma’ Dr Lydia Abela u ħeġġeġ lil kulħadd jipparteċipa biex verament inferrħu lil kulħadd.
L-inizjattiva Rigal bi Mħabba se tibqa’ miftuħa sal-21 ta’ Diċembru.