Illum l-aħħar ċans biex tkun parti mill-inizjattiva Rigal bi Mħabba u tmur tagħti rigal biex dan il-Milied, it-tfal kollha jirċievu xi ħaġa sabiħa.
Minn dalgħodu bdiet l-attività tal-Villaġġ tal-Milied fi Pjazza Kastilja fejn il-qofol jintlaħaq waqt l-għeluq, b’mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela tagħlaq l-attività biex minn hemm il-forzi tal-ordni jibdew bit-tqassim tar-rigali.
Il-messaġġ hu wieħed sempliċi iżjed profond: ejja u agħti rigal b’għan nobbli għal xi ħadd li lanqas taf min hu jew min hi.
Din l-inizjattiva daħlet fir-raba’ edizzjoni tagħha wara idea mnebbħa minn Dr Abela u bintha Giorgia Mae biex fil-Milied kull tifel u tifla, jirċievi rigal.
Il-poplu hu mistieden iqiegħed rigal taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja, il-Belt biex tfal vulnerabbli li minħabba ċirkostanzi u sfidi ma jirċevux rigal, f’dawn il-festi wkoll jifirħu bir-rigal li jagħtihom il-poplu Malti u Għawdxi.
Aktar tard mal-jum apparti spettaklu mtella’ fil-Villaġġ tal-Milied armat apposta, fosthom mill-banda tal-Pulizija u kant minn korijiet u artisti lokali, jibdew jaslu wkoll ir-rigali li taw il-Maltin fil-komunità permezz tas-siġar tal-Milied armati b’kollaborazzjoni bejn Ambjent Malta u l-Kunsilli Lokali.
Kull min jixtieq jiġi jagħti rigal bi mħabba fi Pjazza Kastilja, għandu ċans jagħmel dan sas-7pm.



