Mill-mixtla ta’ Ambjent Malta, tqassmu 68 siġra taċ-ċipress lil kull kunsill lokali f’pajjiżna bħala simbolu tal-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’ ta’ din is-sena, bil-ħsieb li residenti f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex ikunu eqreb biex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva b’għan filantropiku fiż-żmien festiv.
L-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’, li qed issir għar-raba’ sena konsekuttiva, fuq inizjattiva ta’ mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, flimkien ma’ binthom Giorgia Mae, għandha l-għan biex f’dan iż-żmien festiv, l-ebda tifel u tifla f’pajjiżna ma jispiċċaw mingħajr rigal.
Dr Abela qalet li, bil-għan li aktar nies ikunu jistgħu jipparteċipaw f’din l-inizjattiva, is-siġar taċ-ċipress se jagħtu l-opportunità li jitpoġġew ir-rigali taħthom fil-lokalitajiet rispettivi, jekk ma jkunux jistgħu jmorru bir-rigal fi Pjazza Kastilja.
Filwaqt li ħeġġet lil kulħadd jipparteċipa, mart il-Prim Ministru stqarret li s-sehem tar-residenti kollha juri biċ-ċar il-ġenerożità u s-solidarjetà li għandu l-poplu Malti u Għawdxi.
It-tqassim tas-siġar qed iseħħ hekk kif, għall-ewwel darba, l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun qiegħda ssir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li, permezz ta’ din l-inizjattiva, se nkomplu nilħqu aktar tfal. Hi żiedet li fit-tmiem ta’ din l-edizzjoni, is-siġar se jitħawlu fil-lokalitajiet rispettivi b’tifkira wkoll tal-istess inizjattiva.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli, innotat li l-kunsilli lokali kollha qegħdin jipparteċipaw fl-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’ u faħħret il-ħidma tagħhom