- L-Awtorità tad-Djar bi 3,020 talba pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva
Il-Ministru għall-Familja Michael Farrugia ħabbar fil-Parlament li r-rifużjoni tal-kera ogħla imħallsa minn inkwilini ta’ residenzi soċjali skont il-liġi tal-2010 se jsiru kollha sa l-aħħar tas-sena skont imħabbar fil-budget.
Id-deputat nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li hemm ħafna benefiċjari tal-Awtorità tad-Djar li llum qed jirċievu wkoll il-kontijiet għall-ħlasijiet tal-kirja għal din is-sena. Hija staqsiet għaliex il-Ministru ma rrevediex il-ħlasijiet u allura dawk li żdiditilhom il-kirja fl-2014 xorta waħda qed jirċievu kont biex iħallsu l-istess kirja.
Il-Ministru Farrugia qal li kull ż-żieda sa €185 qed tinħadem u se tingħata f’daqqa matul is-sena. Sadanittant, il-kontijiet tal-kera qed joħorġu skont il-kera preżenti, jiġifieri bil-għoli.
Beppe Fenech Adami qal li l-loġika tgħidlek li l-ewwel għandek traħħas il-kera u mbagħad tibda tirrifondi dak li tħallas żejjed.
Il-Ministru Farrugia qal li kienet deċizjoni tal-gvern li l-kirjiet ta’ residenti soċjali jingħataw lurqa u jerġgħu jmorru lura għat-tariffa li kienet żdiedet fl-2010 meta kienu telgħu kollha għal €185 fis-sena.
Huwa qal li l-ammont ta’ żidiet huma minimi. Dak li l-Gvern wiegħed fil-budget, se jkun qed jitwettaq fit-totalità tiegħu. Il-Ministru qal li kull min għandu kirja antika li fl-2010 kienet żdiditlu għal €185 u li din tiġi riveduta kull tliet snin skond iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, issa qed iħallsu €203 fis-sena.
Aktar qabel, il-ministru Farrugia qal lil Claudio Grech li, sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-Awtorità tad-Djar kellha 3,020 talba pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva.