Il-Ministeru għal Għawdex irċieva aktar minn 80 applikazzjoni li jibbenefikaw mill-iskema ta’ Rifużjoni għall-Impjiegi ġodda f’Għawdex bħala parti mill-Gozo Employment Scheme.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din l-iskema tħabbret fil-baġit li għadda u li permezz tagħha, il-Gvern qed jagħti lura ħlas lill-kumpaniji għal kull impjieg ġdid fuq kuntratt ta’ mill-inqas tliet snin.
“Permezz ta’ din l-iskema qegħdin nagħtu rifużjoni ta’ €6,000 għal kull impjieg li nħoloq għal aktar minn 3 snin. għal dawn iż-żewġ edizzjonijiet kellna 80 applikazzjoni minn 32 kumpanija,” qalet il-Ministru Caruana.
L-iskop aħħari ta’ din l-iskema huwa li min iħaddem joffri pagi aħjar, taħriġ biex jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema Għawdxin, kif ukoll sabiex jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
“Hija skema li ġiet imnedija f’żewġ baġits ilu li permezz tagħha aħna rridu ninċentivaw il-ħolqien ta impjiegi ġodda f’għawdex pero wkoll anki kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tagħna,” spjegat il-Ministru.
Il-Ministru Caruana qalet li l-Gvern filwaqt li qed jgħin lis-settur privat, qiegħed ukoll jinvesti fir-riżors uman biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fuq kollox, irid jiġi żgurat li dawn il-fondi qegħdin verament jilħqu l-aspettattivi tagħhom u għalhekk ser issir verifika biex jiġi stabbilit li jintlaħqu l-miri maqbula.
Żiedet ukoll li qed issir ħidma biex aktar setturi ġodda li huma sostennibli u konformi mal-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali jersqu lejn Għawdex.