Lejliet Jum il-Mara, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar żewġ proposti li jinsabu fil-manifest elettorali l-ġdid tal-Partit Laburista li jinċentivaw aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
F’intervista ma’ Ronald Briffa f’Marsaxlokk, il-Mexxej Laburista tkellem dwar realtà ta’ nisa li qatt ma ħadmu, li għandhom aktar minn erbgħin sena u li qed isibuha diffiċli jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Għal dawn in-nies, il-Partit Laburista qed jipproponi li tingħata rifużjoni ta’ tletin fil-mija tal-paga fuq medda ta’ tliet snin sa massimu ta’ sitt elef ewro lil dawk li jimpjegaw nisa li għandhom aktar minn erbgħin sena u li kienu inattivi fis-suq tax-xogħol.
“Se nkunu qegħdin inħabbru proposta ambizzjuża oħra fil-manifest elettorali tagħna fejn dawk in-nisa ta’ ’l fuq minn erbgħin sena li qatt ma kienu fis-suq tax-xogħol, se nkunu qegħdin inħallsu sa tletin fil-mija tas-salarju tagħhom, sa sitt elef ewro, se jkun hemm dawk iż-żewġ cappings għal medda ta’ tliet snin biex b’hekk ninċentivaw iktar employers li jimpjegaw minn din il-kategorija partikolari ta’ nisa.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma wkoll in-nisa fit-tmexxija, mhux biss fis-servizz pubbliku u l-politika imma anki fil-privat.
Qal li biex tkun inċentivata aktar il-preżenza tal-mara fit-tmexxija fil-privat, il-Partit Laburista qed jipproponi li kumpaniji li jħaddmu aktar minn ħamsin persuna u jkollhom erbgħin fil-mija tat-tmexxija eżekuttiva tagħhom nisa, jingħataw tax credit sa massimu ta’ ħamsin elf ewro.
“Miżura oħra li għandna fil-manifest elettorali tagħna hija li għal dawk il-kumpaniji li jħaddmu ħamsin persuna jew iżjed u li għandhom erbgħin fil-mija tat-tmexxija tagħhom li hija nisa, fil-pożizzjonijiet tat-tmexxija, se nagħtu tax credit b’saħħtu ħafna ta’ ħamsin elf ewro.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Intant, fil-bidu tat-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali, il-Mexxej Laburista tkellem dwar il-kandidatura b’saħħitha li għandu l-Partit li jmexxi u dwar l-esperjenzi umani li qed jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum meta jidħol fid-djar tan-nies.
Qal li se tkun ġimgħa oħra pożittiva ta’ laqgħat man-nies u anki impenji barra minn xtutna minħabba l-kriżi fl-Ukrajna.
Temm jgħid li f’dan il-vjaġġ politiku, se jkomplu jitressqu aktar ideat ’il quddiem biex il-ħajja tan-nies tinbidel għall-aħjar.