Waqt laqgħa oħra mis-sensiela Gvern li jisma’, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi saħaq li r-riforma fil-ġustizzja qed ikollha riżultati tanġibbli.
Semma kif minkejja li żdiedu l-ammonti ta’ kawżi sottometti, l-ammont ta’ kawżi pendenti naqsu. Dan permezz ta’ xogħol intensiv li sar mill-Gvern, tant li anki l-Kummissjoni Ewropea rrimarkat li Malta hija waħda minn erba’ pajjiżi li avvanzat fil-qasam tal-ġustizzja.
Mistoqsi min-nies dwar ir-restawr ta’ siti storiċi, il-Ministru Owen Bonnici semma numru ta’ proġetti li tlestew fosthom ir-restawr fuq iċ-Ċittadella, l-Imdina u l-ponta tal-Isla.
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li l-Kunsilli Lokali iridu jkunu d-difensuri tal-komunitajiet. Qal li ċ-ċittadin ma jistax jibqa’ jiżfen f’nofs sitwazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u l-entitajiet pubbliċi. Is-Segretarju Parlamentari ta ukoll elenku għall-ħidmet il-Gvern fil-qasam tal-governanza lokali f’dawn l-aħħar sitt xhur