Fi żmien ħdax-il sena, pajjiżna għadda minnu numru ta’ riformi li ħalla l-Partit Nazzjonalista mifni fil-ġlieda intern, bejn il-konservattiv u l-liberali.
Innota dan l-opinjonista James Debono fuq il-gazzetta MaltaToday tal-Ħadd, li qal kif dan il-ġlied intern deher ċar hekk kif il-Parlament ivvota għal emendi aktar b’saħħithom fil-liġi tal-IVF, li permezz tagħha aktar nies jistgħu jsiru ġenituri.
Fl-artiklu, James Debono imur lura għal elfejn u ħdax, meta kien għadda r-referendum biex f’pajjiżna jidħol id-divorzju. Hawnhekk minkejja r-rieda tal-maġġoranza wara r-referendum, grupp mill-Partit Nazzjonalista, fosthom l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Austin Gatt u Jason Azzopardi vvutaw kontra din il-liġi.
Fl-artiklu ġie nnutat kif f’Novembru tal-elfejn u tnax, meta daħlet l-ewwel liġi tal-IVF. Hawnhekk, James Debono nnota kif din il-liġi kienet nofsha sajran biex Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi jdaħħal din il-liġi.
Fl-elfejn u tlettax kien hemm Gvern ġdid u sena wara, Gvern Laburista daħħal fis-seħħ il-liġi tal-unjoni ċivili. Hawnhekk l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil astjena, waqt li din daħlet bis-saħħa tal-vot favur ta’ Gvern Laburista. Debono hawnhekk innota kif il-vot min-naħa tal-Partit Nazzjonalista uriet sinjali ta’ dgħufija.
Fil-bidu tat-tieni leġiżlattura ta’ Gvern Laburista, għaddiet il-liġi sabiex dawk f’unjoni ċivili jistgħu jiżżewġu, bl-eks Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo vvota kontra din il-liġi.
Ftit wara li Adrian Delia sar Kap Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista talab mozzjoni biex iwaqqaf il-leave għal pazjenti bl-IVF. Sitt membri tal-Oppożizzjoni, fosthom l-eks Kap Nazzjonalista talbu għal free vote, iżda Delia ma laqax din it-talba. B’dawn id-deputati ma marrux il-Parlament sabiex jivvutaw kontra din il-mozzjoni.
F’April tal-elfejn u tmintax, il-Gvern ressaq mozzjoni sabiex tiddaħħal liġi li hija konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul rigward il-vjolenza domestika. Hawnhekk kien hemm qasma oħra, hekk kif kien hemm deputati Nazzjonalisti bħal Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Simon Busuttil li vvutaw mal-Gvern u kontra l-linja tal-Kap tagħhom ta’ dak iż-żmien, Adrian Delia.
F’Ġunju tal-elfejn u tmintax, id-deputati kollha Nazzjonalista vvutaw kontra emendi fil-liġi tal-IVF.
Riforma oħra kienet dik f’Diċembru li għadda, meta l-Oppożizzjoni, issa mmexxija minn Bernard Grech, ivvutat kontra l-liġi fuq l-użu responsabbli tal-kannabis. L-opinjonista James Debono, hawnhekk innota kif din il-liġi dgħajfet lil Bernard Grech bħala Kap Nazzjonalista, hekk kif kien hemm pożizzjonijiet differenti bejn dik tal-Kap u tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
L-aħħar riforma kienet dik tal-emendi b’saħħithom fil-liġi tal-IVF, li Gvern Laburista daħħal fis-seħħ fil-mitt jum tat-tielet leġiżlatura tiegħu. Hawnhekk, Debono nnota kif l-element konservattiv għadu fil-Partit Nazzjonalista, hekk kif tliet deputati Nazzjonalisti: Adrian Delia, Alex Borg u Ivan Bartolo vvutaw kontra d-direzzjoni tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech. Ma’ din il-lista hemm ukoll Carmelo Mifsud Bonnici, li qal li kieku seta’ jattendi għal din is-seduta, kien jivvota kontra wkoll. Dawn ivvutaw kontra, minkejja li l-Kap Bernard Grech ma aċċettax li jkun hemm free vote, kif ried l-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia.
Intant, l-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent on Sunday innota kif il-vot dwar il-liġi tal-IVF, wera għal darba oħra, lill-Gvern Laburista bħala front magħqud, waqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista uriet li hija maqsuma.
L-editorjal ta’ din il-gazzetta nnota kif tliet deputati vvutaw kontra l-linja tal-Kap Bernard Grech, waqt li kien irrappurtat mill-midja lokali li kien hemm deputati Nazzjonalisti oħrajn li kienu se jivvutaw kontra.
Il-gazzetta nnutat ukoll kif l-eks Kap Adrian Delia vvota kontra l-pożizzjoni tal-Kap Bernard Grech, xi ħaġa li wkoll kien għamel il-predeċessur ta’ Delia, Simon Busuttil.