Ir-riformi li seħħew matul is-sena l-oħra, b’mod partikolari r-riformi fis-sistema tal-ħatriet tal-ġudikanti u fid-dixxiplina tal-ġudikanti kkontribwixxew għat-tisħiħ għall-indipendenza fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
“The reforms of 2020, in particular the reform of the system of judicial appointments and of judicial discipline, have contributed to strengthening the independence of the Maltese justice system. The perception of judicial independence has notably improved.”
Huwa propju b’dan il-kliem li jibda rapport tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat illum dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Intqal kif disgħa u sittin fil-mija tal-Maltin jemmnu li l-Qrati Maltin huma indipendenti.
Din ir-rata hija ferm aktar mill-44% miksuba ħames snin ilu.
Il-Kummissjoni Ewropea tinnota s-sistema tal-ħatriet tal-ġudikanti, sistema li rċeviet it-tifħir tal-Kummissjoni Venezja.
Fil-fatt issa l-ġudikanti jinħatru wara sejħa pubblika u b’mod indipendenti mill-fergħa eżekuttiva ta’ dan il-pajjiż, jiġifieri l-Gvern u l-politiku ma jindaħal bl-ebda mod fl-għażla tal-ġudikanti.
Issa l-Imħallfin u l-Maġistrati jinħatru wara li l-persuni li japplikaw skont kriterji stabbiliti jiġu skrutinizzati minn Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikanti u dan il-Kumitat jissuġerrixi lista tal-kandidati l-aktar idonji.
Imbagħad huwa l-President tar-Repubblika li jaħtar il-ġudikanti.
Fuq din ir-riforma, ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jinnota kif din ikkontribwixxiet għat-tisħiħ tal-indipendenza fis-sistema ġudizzjarja u jissemma kif għaqdiet mis-soċjetà ċivili u l-Kamra tal-Avukati laqgħu dawn ir-riformi.
“These reforms, which take into account Council of Europe recommendations, contribute to strengthening judicial independence. The Chamber of Advocates and civil society organisations have welcomed the reforms.”
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll il-proċess rivedut għat-tneħħija tal-ġudikanti li issa huwa f’idejn il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni għall-Ġustizzja u mhux iżjed f’idejn il-politiċi fil-Parlament.
Intqal kif din ir-riforma hija ġeneralment konformi ma’ dak li kienet qalet il-Kummissjoni Venezja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.
“Under the new system, the dismissal procedure is under the remit of the Commission for the Administration of Justice, composed in majority of members of the judiciary, as opposed to the previous system where Parliament was in charge of this procedure. In its October 2020 Opinion, the Venice Commission considered the reform to be generally in line with existing standards.”
Fir-rapport tagħha dwar l-istat tas-saltna tad-dritt f’Malta, il-Kummissjoni Ewropea semmiet il-ħatra tal-Prim Imħallef, liema ħatra li għamel il-Gvern f’April tas-sena l-oħra saret bi qbil unanimu fil-Parlament.
Hawnhekk il-Kummissjoni Ewropea qalet li bil-ħatra ta’ Dr Mark Chetcuti bħala Prim Imħallef, saru passi biex ma tiġix politiċizzata l-ħatra tal-ogħla kariga fil-Qrati tagħna.
“Steps have been taken to depoliticise the appointment of the Chief Justice.”
Ir-rapport jinnota wkoll kif ċertu prosekuzzjonijiet li kienu taħt il-pulizija għaddew għand l-Avukat Ġenerali hekk kif dan tal-aħħar qabel kien jipprosekwixxi biss fil-Qorti suprema.
Intqal kif l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ingaġġja għoxrin avukat ġdid biex ikun iżjed effiċjenti f’xogħlu.
Ir-rapport jiffoka wkoll fuq qafas kontra l-korruzzjoni u hawnhekk ir-rapport isemmi l-istrateġija li ppreżenta l-Gvern għal dawn it-tliet snin li ġejjin biex tindirizza l-frodi u l-korruzzjoni.
Ir-rapport jinnota wkoll l-istrateġija għat-trasformazzjoni fil-korp li qed issir taħt it-tmexxija tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Issemma kif mis-sena l-oħra, daħlet liġi li uffiċjali fil-Korp jistgħu jirrappurtaw b’mod anonimu dwar abbużi fil-Korp stess.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, waħda mir-rakkomandazzjonijiet implimentati tal-Kummissjoni Venezja.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll emendi li ressaq il-Gvern fil-Kostituzzjoni biex l-awtoritajiet Maltin ikunu jistgħu joħorġu multi ogħla lil min ma jkunx konformi mal-liġi fl-operat tiegħu.
Fuq dawn l-emendi sar vot il-ġimgħa l-oħra fil-Parlament fejn l-Oppożizzjoni vvutat kontra u b’hekk anki kienet kontra rakkomandazzjoni tal-FATF.
Fil-fatt fuq dan il-vot, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech falliet test ieħor favur l-interess nazzjonali u vvutat kontra t-trasparenza.
Intant f’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis irrimarka kif istituzzjoni tant importanti bħal ma hi l-Kummissjoni Ewropea nnutat riformi bla preċedent li wettqet l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela.
Huwa qal, “Faħħar dak li għamilna fil-ġudikatura, faħħar li qsamna l-Avukat Ġenerali mill-Avukat tal-Istat, faħħar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u dak li għamilna f’entitajiet oħra. Ifisser li għamilna ħafna xogħol, però aħna Gvern li jisma’, Gvern li jaħdem u Gvern umli. Allura fejn qed jgħidilna li rridu nagħfsu aktar fuq l-effiċjenza tal-Qrati, illi l-proċeduri nagħmluhom aktar sempliċi u effiċjenti, illi ninvestu iktar fit-teknoloġija fil-Qrati tagħna. Dan ser inkunu qed nagħmluh biex sena oħra jerġa jkollna rapport bħal dan jew aħjar.”