Fl-MFCC, f’Ta’ Qali qed tittella’ l-Malta Property Show, li hija expo ta’ għaxart ijiem organizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA u Check Your Trader.
Dan l-avveniment infetaħ mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard li stqarr kif din l-expo qed tikkonferma r-reżiljenza, is-saħħa u l-potenzjal li għandu s-suq tal-proprjetà ta’ pajjiżna.
Barra minn hekk huwa nnota l-importanza soċjali li għandu dan is-suq, u stqarr kif dan l-avveniment għandu jservi ta’ opportunità ta’ promozzjoni ta’ prattiċi li jagħtu prijorità lill-innovazzjoni, il-funzjonalità u s-sostenibbiltà.
Dr Attard fakkar kif l-impenn tal-Gvern m’huwiex biss li jkun ta’ spalla għal dawk li jagħmlu parti mis-settur iżda wkoll irid jieħu deċiżjonijiet leġiżlattivi importanti li jmexxu ’l quddiem lis-settur.
Fil-ġranet li ġejjin, il-Parlament se jkun qed jiddiskuti att ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol, li se jirriforma dak eżistenti għall-ħtiġijiet tal-lum.