Il-proċess li bih il-Gvern qed jirriforma l-qasam tal-kostruzzjoni f’pajjiżna, ġie deskritt bħala wieħed li juri impenn sħiħ biex titwettaq il-bidla meħtieġa għal aktar serjetà f’dan il-qasam.
Dan kien il-messaġġ tal-editorjal ta’ ‘It-Torċa’ li kkummenta dwar ir-riforma li tinsab għaddejja f’dan il-qasam, li huwa kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
L-editorjal jinnota l-fatt l-Gvern embarka fuq dan l-impenn sa minn qabel it-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia f’Diċembru tas-sena l-oħra, meta l-Gvern kien diġà wera d-direzzjoni li jrid jieħu b’rabta ma’ dan il-qasam. Dan apparti l-fatt li anki b’rabta ma’ dan l-episodju, nhar il-Ħamis se jingħata bidu għall-inkjesta amministrattiva, li se tkompli tgħolli l-livell tas-settur, wara li ntemmet l-inkejsta Maġisterjali li bħalissa għaddejjin il-proċeduri kriminali dwarha.
Fil-fatt ġew imfaħħra l-isforzi li diġà daħlu fis-seħħ, b’referenza għad-dħul tar-regolamenti li qed jirregolaw għall-ewwel darba fl-istorja l-kuntratturi. Ġie nnotat kif qabel, wieħed seta’ jixtri gaffa u jibda jsejjaħ lilu nnifsu kuntrattur, xhieda tan-nuqqas ta’ regolamentazzjoni li dan is-settur kien ilu jaħdem bih għal għexieren ta’ snin.
B’hekk illum il-ġurnata l-ebda kuntrattur m’hu se jkun jista’ jaħdem mingħajr tali liċenzja li tista’ tiġi sospiża fid-dawl ta’ nuqqasijiet minn naħa tal-kuntrattur anki wara li din tkun ingħatat.
Apparti dak li diġà daħal fis-seħħ, l-editorjal tkellem dwar dak li mistenni jikkaraterizza r-riforma li jmiss f’dan il-qasam. Hawnhekk, l-editorjal irrefera għal konsultazzjoni pubblika li bħalissa għaddejja biex il-Liċenzja tal-Bennejja tkun aġġornata għall-ħtiġijiet tal-lum.
L-editorjal tat-Torċa ddeskriva dan il-proċess ta’ riformi bħala wieħed kuraġġuż, filwaqt li kompla jenfassizza l-punt li l-bidliet leġislattivi għandhom ikunu infurzati fil-prattika biex tkun assigurata s-serjetà u l-kwalità għolja f’dan is-settur li l-poplu tant jinsab għatxan għaliha.