Fis-settur tant importanti tal-kostruzzjoni għaddejjin diversi riformi biex ikun hemm responsabbilita akbar fuq dawk li jaħdmu fis-settur u aktar titjib fil-kwalità ta’ kif isir ix-xogħol f’dan il-qasam.
Dan intqal mill-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi f’intervista ma’ ONE News.
Fost dawk il-bidliet li għaddejjin hemm dik tal-bidu tal-liċenzjar tal-kuntratturi fil-qasam tal-bini, tat-twaqqigħ u l-iskavar u anki bidliet fil-liċenzja tal-bennej, li din tal-aħħar se jinbidel il-mod kif din tinħareġ.
“Waħda mill-bidliet importanti li se tkun qed tiġi fis-seħħ hija l-bidu tal-liċenżjar tal-kuntratturi, li bħalissa l-avviż legali illi ġie mħejji wara konsultazzjoni pubblika estensiva ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea, biex hemmhekk isiru l-proċeduri rikjesti meta jkollok liċenżjar ġdid bħal dan. Inħarsu ’l quddiem illi fl-iqsar żmien possibli jkollna r-risposti min-naħa tal-Kummissjoni biex b’hekk l-Awtorita għall-Bini u l-Kostruzzjoni tkun tista’ tibda tilqa’ dawn l-applikazzjonijiet.”
Bidla oħra importanti, li qed issir f’dan il-qasam, hija dik ta’ diskussjoni wiesgħa li se twassal għall-Att ġdid dwar il-qafas tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li wara 20 sena mit-twaqqif ta’ din l-awtorità se jkun hemm liġi ġdida, b’qafas aktar dettaljat għaż-żmien tal-lum.
Il-Ministru għall-Ippjanar semma li l-BCA kompliet tissaħħaħ b’aktar ħaddiema, fosthom b’żieda ta’ spetturi li qed iduru d-diversi siti tal-kostruzzjoni, fost oħrajn.
Intqal li qed jiġu introdotti wkoll proċeduri li permezz tiegħu jkun implimentat ir-rapport Quintano.
“Dan ir-rapport kien sar wara li l-Gvern kien ikkummissjona lill-Imħallef Emeritu Quintano biex jagħmel dan ir-rapport li ta indikazzjoni ta’ x’tibdil li hemm bżonn isir u l-Gvern qiegħed jimplimenta dan ir-rapport u fosthom iniżjattivi li għadni kemm semmejt aktar kmieni, però hemm diversi affarijiet oħrajn ukoll fuq livell amministrattiv fi ħdan l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni biex naraw li jkollna qafas regolatorju aħjar, li jirregola dan is-settur, kwalità għola, responsabilità akbar, aktar serjeta u fuq kollox li naraw titjib fil-kwalità ta’ kif isir ix-xogħol f’dan il-qasam.”