Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar illejla fil-Parlament li l-avukat tal-għajnuna legali anzjan se jkun impjegat full time.
Meta wieġeb mistoqsija supplimentari ta’ Beppe Fenech Adami, Dr Bonnici qal li ħarġet sejħa pubblika u issa l-bord responsabbli qed jifli l-applikazzjonijiet.
Il-Ministru qal li l-aġenzija tal-għajnuna legali għandha żewġ sfidi ewlein quddiemha: aktar xogħol, għax issa anke dawk taħt arrest għandhom id-dritt tal-avukat, u wasal iż-żmien li jkun regolat is-settur għax mhux sew li avukat tal-ghajnuna legali appuntat mill-Qorti mil-lista ufficjali jibgħat lil sieħbu minfloku.
Il-Ministru Bonnici ilmenta għal artiklu li deher fit-Times of Malta, li kien jgħid li t-tariffa tas-17-il avukat tal-għajnuna legali hija ta’ €2,000 fis-sena u li ma kienx sewwa li dawn jitħallsu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali meta dawn jispiċċaw ikunu avukati difensuri.
Il-Ministru qal li l-istorja tat-Times hija żbaljata mill-bidu sa l-aħħar. L-avukati ilhom sentejn milli jitħallsu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u li r-retainer fee ittripplat għal €6,000 fis-sena.