Ir-riformi eknomiċi jagħmlu sens jekk iġibu magħhom progress soċjali għal persuni fil-faxxa tan-nofs u dik tal-ħaddiem, għaż-żgħażagħ u għal pensjonanti, Alfred Sant qal lil Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt id-dibattitu dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Alfred Sant qal li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għadu ma tax direzzjoni ċara għad-diverġenzi soċjali u ekonomiċi li baqgħu jikbru fl-Unjoni. Programmi ta’ riforma ekonomika għandhom iħaddnu sforz biex ikunu korretti l-iżbilanċi reġjonali u nazzjonali filwaqt li jqarrbu l-politika soċjali tal-istati membri lejn l-istess livelli.
“Il-Kunsill Ewropew naqas milli jimpenja ruħu lejn bidla fuq kwistjonijiet relatati ma’ opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, protezzjoni soċjali – inkluża l-eliminazzjoni ta’ impjiegi prekarji għaż-żgħażagħ, u l-ħtieġa li jkun bilanċjat it-tkabbir tal-profitti permezz ta’ titjib fil-pagi. Ir-riformi ekonomiċi jagħmlu sens biss jekk jimplikaw progress soċjali għall-klassijiet tax-xogħol u tan-nofs, għaż-żgħażagħ u l-pensjonanti. ”
Alfred Sant qal li l-Unjoni Ewropea teħtieġ bażi ekonomika soda għal prosperita` u l-kompetittivita` biex ikollha vuċi soda fix-xena globali.
“Il-kapijiet tal-Istati jgħidu li huma favur viżjoni fit-tul tal-politika industrijali tal-UE, viżjoni li tagħti spinta lill-investimenti fit-teknoloġija, fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Madankollu huma jonqsu li jorbtu din il-prijorita` mal-allokazzjoni ta’ riżorsi għar-riċerka fix-xjenzi fundamentali.”
Alfred Sant qal li l-aqwa gradwati tagħna fix-xjenza fundamentali qed imorru lejn l-Istati Uniti u l-Asja.
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li saret bejn il-21-22 ta’ Marzu, il-Kapijiet tal-Istat kellhom diskussjoni dwar il-Brexit, it-tkabbir fl-impjiegi u l-kompetittivita`, it-tibdil fil-klima, ir-relazzjonijiet esterni, l-iżgurar ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti u l-ġlieda kontra l-misinformazzjoni.