In-nominat ta’ pajjiżna għall-kariga ta’ Kummissarju Ewroprew, huwa Glenn Micallef.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, waqt intervista mal-ġurnalist tan-Newsbook, Matthew Xuereb, fil-Barrakka ta’ Fuq, fil-Belt Valletta.
Huwa ddeskriva lil Micallef bħala bniedem teknokratiku, li dejjem ipprijoritizza l-interess nazzjonali, fejn anke kien parti min-negozjati tal-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej f’pajjiżna.
“Dawn l-aħħar erba’ snin rajt il-kompetenza tiegħu fuq livell Ewropew. Kien hemmhekk meta pajjiżna rnexxielu jinnegozja l-ikbar pakkett fil-financial framework fl-elfejn u għoxrin. Kien l-ispalla leminija tiegħi, nista’ ngħid għal dawn l-aħħar snin. Huwa rappreżentant tal-Prim Ministru u hemmhekk akkwista esperjenza li hija waħda b’saħħitha ħafna, esperjenza politika wkoll għaliex serva bħala kap tas-segretarjat tiegħi għal numru ta’ snin ukoll.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Waqt l-intervista, il-Prim Ministru eskluda wkoll li jkun hemm responsabilità esklussiva fir-rigward tal-kabinett għall-konċessjoni tal-isptarijiet. Il-Prim Ministru rrefera wkoll għad-digriet li ngħata l-Erbgħa, fejn sostna li ma jsib l-ebda ħtija fuq ħadd, u qal li jinsab iddispjaċut għax il-pajjiż tilef persuna li dejjem ħadem b’integrità, iżda jemmen li l-eżitu finali tal-ġudizzju juri kemm kien fuq in-naħa tas-sewwa.
Il-Prim Ministru qal ukoll li fil-gazzetta tal-Gvern se joħroġ avviż li jikkonferma li Edward Scicluna mhux se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Direttur tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.
Fuq tema oħra, meta tkellem dwar il-qtugħ tad-dawl f’pajjiżna, il-Prim Ministru qal li l-problema mhix waħda ta’ provvista, iżda ta’ distribuzzjoni.
Huwa wiegħed aktar investiment, ma’ dak li diġà sar, filwaqt li l-Gvern se jkompli jipprijoritizza l-gżira Għawdxija.
“Għamilna xogħol li normalment isir f’sitt snin, f’sitta, seba’ xhur.Ara kemm kienet b’saħħitha, u n-nies bdew jgħidulna li qed naqilgħu t-toroq, imma kien proċess li kien meħtieġ dan l-investiment infrastrutturali b’saħħtu. Dak l-areas kollha li għaddejna, tnejn u tmenin killometru ta’ cables, ma falliex cable wieħed minnhom din id-darba, jiġifieri s-sistema kellha suċċess, fejn ġiet installata ta’ mija fil-mija.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Fuq tema oħra, Dr Abela ħabbar ukoll li qed jiġu rrifjutati l-permessi tal-impjiegi ta’ barranin li jiġu f’pajjiżna biex jaħdmu bħala couriers tal-ikel jew xufiera tat-taxis, hekk kif diġà hawn biżżejjed persuni biex jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.
“Kellek mijiet ta’ permessi ta’ xogħol li ġew irrifjutati u nwieġeb għal ħafna mistoqsijiet li saruli mingħand min iħaddem dawn il-persuni jew ried iħaddem dawn il-persuni bl-istess mod. Pajjiżna għandu biżżejjed ħaddiema tal-Y plates, biżżejjed food couriers u ma jeħtieġ iżjed. Dik hija l-pożizzjoni ċara.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs, il-Prim Ministru qal li qed jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa biex jikkumbattu s-sħana, hekk kif il-kastigi m’għandhomx ineżżġħu mid-dinjità.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-qerq tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li bniet kampanja ta’ miżinformazzjoni – fejn allegat li sar żbroff ta’ drenaġġ f’għadd ta’ bajjiet Maltin – b’dan fil-verità kien fenomenu naturali kawża tat-temperaturi għoljin fil-baħar.
Dr Abela, aċċenna wkoll għall-proċess ta’ tiġdid li qed isir fil-Partit Laburista – biex jibqa’ forza favur is-sewwa u miftuħ għal kulħadd.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar għadd ta’ temi oħrajn, fosthom ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni, l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti, u l-proġett tat-trakka.
Huwa ċċara wkoll li f’Wied Żnuber mhux se tintmess art ODŻ.