Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, ħabbru r-riforma fl-inkjesti maġisterjali.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li, f’din l-liġi, li għaddiet mill-Ewwel Qari fil-Parlament l-Erbgħa, ir-riforma se tara li l-ewwel pass hu li persuna tmur għand il-Pulizija u wara sitt xhur, jekk wieħed ma jkunx sodisfatt, jista’ jmur dirett għand imħallef.
L-għan ta’ din ir-riforma hu li ssaħħaħ ir-responsabilità fil-proċess investigattiv, waqt li mhu se ċċaħħad l-ebda aċċess għall-ġustizzja hekk kif mhu se jiġi mittiefes l-ebda jedd taċ-ċittadin.
B’dan il-proċess se jkun elevat għal imħallef, li jippresiedi Qorti Kriminali, u t-talba għal investigazzjoni fuq allegat reat, li jġorr piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn tliet snin, trid issir għand il-Pulizija.
Kemm-il darba, wara perjodu ta’ sitt xhur, iċ-ċittadin jibqa’ mhux sodisfatt bl-andament tal-investigazzjoni, ikun jista’ jressaq rikors quddiem imħallef. Hawnhekk l-imħallef jista’ jippermetti lill-Pulizija tkompli tinvestiga, itemm l-investigazzjonijiet jew jordna li tibda inkjesta maġisterjali.
Fil-konferenza, il-Prim Ministru spjega li tali riforma hi kontra l-abbuż mill-ġustizzja u favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
Din hi wkoll imnebbħa minn wegħda elettorali, bil-Gvern li għandu mandat b’saħħtu biex isaħħaħ is-serjetà, l-effettività u l-effiċjenza tal-proċess.
“Li qed nagħmlu llum hu li niżguraw li l-jeddijiet taċ-ċittadini tal-aċċess tal-ġustizzja u jiġu ppriservati, filwaqt li nagħmlu dawk is-salvagwardji kollha li huma meħtieġa, biex niżguraw biex ma jkunx hemm abbuż mill-għodod tal-ġustizzja. Jiġifieri se nkunu qed nirresponsabilizzaw l-għodda tal-inkjesta maġisterjali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal li l-Gvern mhu se jħalli l-ebda sitwazzjoni fejn persuna sempliċiment tmur biex tiftaħ investigazzjoni u tixħet lin-nies f’inkjesta billi tippreżenta xi artiklu u dak jispiċċa prova.
Il-Prim Ministru fisser li min jikkalunja n-nies u n-negozji, ukoll irid iwieġeb għal għemilu u mhux se jitħalla jinqeda b’pilastru importanti fid-demokrazija ta’ pajjiżna. Dan quddiem il-fatt li min jagħmel talba għal inkjesta b’mod abbużiv se jkun jista’ jiġi ordnat mill-Qorti iħallas l-ispejjeż marbutin mal-istess proċess.
“Jiġifieri hemmhekk se nkunu għamilna salvagwardji, fejn min seta’ wettaq reat se jitressaq, jiġifieri min hemm provi kontrih li seta’ wettaq reat, se jitressaq u se jiffaċċja l-ġudizzju. Però min hu ċar, fuq il-provi li jkun hemm għamel ir-reat dak ma jitressaqx. Dik se tkun id-differenza ewlenija.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Attard qal li llum qed jissaħħu d-drittijiet ta’ kull persuna li tista’ tkun involuta fil-proċess legali relatat mal-inkjesti maġisterjali.
“Permezz ta’ dawn l-emendi qed nassiguraw li kulħadd ikun kontabbli ta’ għemilu”, sostna l-Ministru Attard.
“Din hi riforma kompluta, bil-għan li ssir ġustizzja, li ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini u tirresponsabilizza lil kull min hu involut fil-proċess. U iva, l-inkjesta maġisterjali fuq inizjattiva taċ-ċittadin privat se tibqa’.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Hu spjega kif din hi riforma li tibni fuq sensiela sħiħa ta’ riformi kuraġġjuzi, inkluż it-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fir-rwol ta’ prosekutur fil-pajjiż, żieda rekord fil-ġudikatura u ħolqien ta’ sezzjoni ta’ maġistrati inkwirenti speċjalizzati.
Il-Prim Ministru qal li dan kollu hu proprju, bil-kontra ta’ dak li għamel il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li mhux biss ma kellux ir-rieda li jirriforma, iżda saħansitra rema kull rakkomandazzjoni ċara li kellu minn ħdanu stess, permezz ta’ Dr Franco Debono.
AQRA AKTAR: