Ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali, li qed iressaq il-Gvern, hi waħda li tħares lejn diversi aspetti, fosthom id-drittijiet tan-nies, il-kontabbiltà tal-esperti, drittijiet lill-vittmi u tisħiħ fl-effiċjenza u l-effettività tat-tali proċess tal-inkjesti.
Inkjesta hi investigazzjoni u d-dritt li ċittadin privat jagħmel talba għal inkjesta se jibqa’ u mhux se jiġi mċaħħad b’din ir-riforma. Anzi se jiġi elevat għal imħallef.
Bir-riforma, it-talba għal investigazzjoni ssir għand il-Pulizija li tista’ tmexxi prosekuzzjoni. Jekk, wara sitt xhur, int ma tkunx sodisfatt b’xogħol il-Pulizija tista’ tressaq rikors għand imħallef, li jkun jista’ jibgħat għall-Pulizija u jara l-proċess ta’ investigazzjoni.
F’Qorti Kriminali, iridu jiġu ppreżentati quddiem l-imħallef provi li jridu jkunu ammissibbli. Jiġifieri mhux se jibqa’ iżjed possibbli li sempliċi artikli minn blogs jew għax xi ħadd ikun qal xi ħaġa fuq ħaddieħor, tibqa’ titniżżel bħala prova.
L-Imħallef jista’ jippermetti lill-Pulizija tkompli bl-investigazzjoni, itemm l-investigazzjonijiet jew jordna li tibda inkjesta Maġisterjali. Il-Qorti tiddeċiedi dan fuq bilanċ ta’ probabbiltà u mhux abbażi ta’ ħtija.
Jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-Imħallef, inti se jkollok rimedji legali li tiftaħ dik li jgħidulha “challenge” jew titlob reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Qrati.
Il-perjodu ta’ sitt xhur biex tmur għand Imħallef intagħżel bħala żmien li hu kostanti ma’ termini oħrajn stabbiliti fil-liġi.
B’din il-bidla se jiġi mibdul iż-żmien inizjali li inkjesta maġisterjali trid titlesta minn sittin jum għal sitt xhur u din il-bidla fil-proċess se jibda jgħodd għal dawk it-talbiet li għad mhemmx deċiżjoni dwarhom mill-bidu ta’ din is-sena. It-terminu ta’ inkjesta jista’ jiġi mġedded biex inkjesta titlesta fi żmien sentejn.
B’din il-bidla wkoll se jidħlu obbligi ġodda fuq l-esperti fl-inkjesti, fosthom li l-espert ikun persuna fiżika u mhux kumpanija. Obbligu ieħor hu li espert ikun jaf dwar il-liġijiet Maltin u l-ħlas tal-esperti se jkun għal xogħol imqabbel f’pajjiżna.
Kemm-il darba spiża marbuta ma’ esperti taqbeż il-€50,000, il-Maġistrat, li jmexxi l-inkjesta, hu obbligat jitlob permess mill-Prim Imħallef li għandu jikkonsulta mal-Avukat Ġenerali.
Persuna suspettata f’investigazzjoni se jkollha drittijiet ġodda billi tkun mgħarrfa li hi suspettata qabel tagħti xhieda. Naturalment ikollha d-dritt li tkun assistita minn avukat.
Il-qraba tal-vittmi se jkollhom drittijiet ġodda, fosthom li jkunu informati b’ċerta informazzjoni safejn hu legalment sostenibbli dwar il-każ.
Jekk jirriżulta li xi ħadd għamel talbiet b’mod abbużiv biex jixħet nies innoċenti f’inkjesta, dan jeħel l-ispejjeż tal-inkjesta.
Din ir-riforma bi drittijiet u salvagwardji ċari jixbhu dawk fi Franza, għalkemm hemmhekk wieħed irid, l-ewwel, idum jeżawrixxi l-proċess ta’ rapport għand il-Pulizija qabel jidħol quddiem il-Qrati biex issir investigazzjoni.
Din ir-riforma tapplika għal kulħadd, fosthom anke nies privati u sidien ta’ negozji li ġieli nxteħtu f’inkjesta għal snin twal mingħajr għarfien tal-proċess.
Aqra aktar: