Il-Partit Laburista stqarr li jilqa’ b’sodisfazzjoni id-dokument imniedi lbieraħ dwar il-Malta Labour Migration Policy għall-konsultazzjoni pubblika li qed issib bilanċ ċar bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u dik ta’ min iħaddem. Din il-policy hija xhieda li mill-Gvern, il-Partit Laburista qed jibqa’ joffri s-soluzzjonijiet.
Huwa qal li il-qasam tax-xogħol jibni fuq is-suċċess ekonomiku ta’ Gvern Laburista u li bħala pajjiż għandna nkunu kburin bih, fl-istess ħin li jindirizza sfidi li jirriżultaw minn realtajiet ġodda riżultat tal-istess suċċess. Dak li ksibna fl-oqsma tax-xogħol u l-ekonomija nkiseb bis-saħħa tal-bżulija tal-poplu u d-direzzjoni li ta l-Gvern b’riformi importanti, fejn minn sitwazzjoni ta’ qgħad, illum qed nitkellmu fuq ‘full employment’.
Iżda, il-Gvern jifhem li din ir-realtà ukoll titlob ċerti bidliet biex pajjiżna jassigura l-kwalità u li l-kontroll assolut ta’ min jiġi f’pajjiżna u għaliex ikun f’idejn l-awtoritajiet Maltin li jridu jkunu huma li jiddeċiedu f’konformità mal-viżjoni tal-Gvern ibbażata fuq il-kwalità. Huwa proprju dan li tagħmel il-Malta Labour Migration Policy, liema politika tibni fuq inizjattivi oħra li ttieħdu fl-aħħar xhur biex tkun assigurata l-kwalità f’dak li jaspira għalih pajjiżna.
L-emfasi fuq id-drittijiet tal-ħaddiema, tixhed lealtà assoluta lejn il-prinċipji li twieled għalihom il-Partit Laburista, filwaqt li l-miżuri maħsuba biex il-ħaddiem Malti jingħata l-aqwa opportunitajiet u ma jkunx żvantaġġjat b’unfair competition jixhdu l-ħsieb li ċ-ċittadini li bnew dan il-pajjiż, irid ikollhom awtoritajiet li jġibu l-interess tagħhom l-ewwel fil-politika li jfasslu. Finalment, il-miżuri proposti jagħtu ħsibijiet ċari u studjati ta’ kif pajjiżna għandu jimxi ‘l quddiem u jikkuntrastaw mar-retorika populista tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur, liema retorika ma tatx proposti u tinjora realtajiet li għandu pajjiżna. Wieħed jawgura li f’din id-diskussjoni, ikunu l-argumenti bbażati fuq il-fatti li jipprevalu biex hekk tkun waħda matura u l-konsultazzjoni pubblika tirfina d-dokument b’saħħtu li diġà preżenta l-Gvern.
Il-Partit Laburista jappoġġja l-istil tal-Gvern li quddiem bidliet ta’ dan it-tip jikkonsulta mal-pubbliku.
Fuq kollox, għal darb’oħra l-Gvern ta kelma u qed iżomm magħha. Għamel mira u qed iwassalha. F’dan is-settur ukoll il-Gvern immexxi minn Robert Abela se jwassal għar-riżultati kif għamel fl-aħħar ħames snin quddiem sfidi kbar li rriżultaw minn ċirkostanzi straordinarji bħall-pandemija u l-gwerer, fejn minkejja dan kollu pajjiżna baqa’ b’saħħtu jgħin lin-nies kontinwament.