Bi qbil bejn l-awtoritajiet tas-saħħa, il-Kummissarju dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u l-Pulizija, il-vittmi tal-vjolenza domestika qegħdin jingħataw prijorità meta jkunu akkumpanjati mill-Pulizija biex jiġu eżaminati mill-professjonisti mediċi fiċ-ċentri tas-saħħa jew fl-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela saħaq li huwa xieraq li persuni li jkunu qed isofru ġrieħi fiżiċi kif ukoll mentali, kawża ta’ vjolenza domestika, jirċievu attenzjoni u faraġ minnufih. Ħeġġeġ lill-impjegati sabiex ikunu dejjem ta’ sostenn u rringrazzjahom tad-dedikazzjoni u s-sensittività tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li dan huwa żvilupp importanti għaliex b’hekk il-vittmi tal-vjolenza domestika li jkunu akkumpanjati mill-Pulizija qegħdin ikunu ttrattati b’aktar sensittività u b’akbar effiċjenza.
Hija saħqet fuq l-importanza li t-trattament, il-kura u ċ-ċertifikati mediċi dwar il-konsegwenzi tal-aggressjoni li l-vittmi jkunu sofrew jinħarġu mill-iktar fis possibbli għaliex dawn iservu ta’ prova fil-proċeduri tal-Qorti.
Għalkemm mhux il-każijiet kollha ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika jkunu jeħtieġu li jkunu riferuti għal viżta fl-isptar jew fiċ-ċentru tas-saħħa, fuq medda ta’ erba’ xhur, ikun hemm medja ta’ madwar 30 każ li fihom vittmi ta’ vjolenza domestika jiġu invistati fiċ-Ċentri tas-Saħħa jew fl-Isptar Mater Dei.
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan uriet apprezzament għal dan l-arranġament milħuq għaliex qalet li bih ser titnaqqas ukoll l-istigma li l-vittmi jsofru meta akkumpanjati mill-Pulizija kien ikollhom jistennew wara pazjenti oħra sakemm jingħataw is-servizz.