Il-proċess li beda l-Gvern permezz ta’ konsultazzjoni pubblika favur l-obbligu ta’ liċenzja għall-kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini se jwassal għal serjetà li tant hemm bżonn f’dan is-settur importanti għal pajjiżna.
Dan kien il-messaġġ li għaddew tliet sindki, li tkellem magħhom ONE News, ftit tal-jiem wara li tħabbret il-konsultazzjoni pubblika għal din ir-riforma.
Is-Sindku tax-Xagħra qal li din ir-riforma se tipproteġi lil dawk li jgħixu biswit bini li jkun għaddej minn skavar.
Qal, “Bla dubju ta’ xejn din ir-riforma kienet meħtieġa u neċċesarja biex iġġib serjetà f’dan is-settur tant vitali. Speċjalment anki fejn jirrigwardja l-kwistjoni tal-insurances tal-impjegati nfushom biex nipproteġu l-ħajja tal-impjegati, li sfortunatament għal dawn l-aħħar snin kien hemm traġedji, u anki nipproteġu lil terzi persuni li għandhom proprjetajiet qrib jew adjaċenti għal fejn qed isir l-iskavar.”
Is-Sindku ta’ Pembroke nnota kif ir-riforma għandha twassal għal titjib fil-kwalità tal-bini.
Stqarr, “Fl-aħħar mill-aħħar xi ħaġa bħal din se jibbenefika minnha, l-ewwelnett il-kuntrattur innifsu li se jkun qiegħed jingħata ċertifikat ta’ eċċelenza, sew lilu u sew l-impjegati tiegħu. Però aktar importanti minn hekk fl-aħħar mill-aħħar, huma dawk li jibbenefikaw minn dan is-settur li se jkunu qegħdin jaraw titjieb fil-kwalità tal-bini tagħhom u allura importanti għaċ-ċittadini tagħna illi fl-aħħar mill-aħħar jużaw u jixtru dawn it-tip ta’ binjiet illi jtellgħu mill-kuntratturi tagħna.”
Is-Sindku ta’ Santa Luċija, spjegat kif se jgawdu r-residenti minn din ir-riforma.
Qalet, “Jaffettwa r-residenti f’żewġ livelli. Il-livell aktar serju fejn aħna se nipprevenu li jsiru affarijet gravi li saru fil-passat, kif ukoll fil-livell tal-ħajja ta’ kuljum. Il-kuntrattur issa ħa jkun hemm aktar infurzar fuqu u b’hekk ħa jkunu aktar regolati; bħal storbju, bħal ħinijiet ta’ xogħol u anki bħala trab.”
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sal-wieħed u għoxrin ta’ April.