“Ir-riforma tal-Ġustizzja f’Malta hija waħda li qed issir skont ir-rakomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.”
Dan huwa kliem il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders li permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Ministru għall-Ġustizza Edward Zammit Lewis laqa’ l-impenn tal-Gvern Malti għar-riforma tal-ġustizzja.
Fl-ittra huwa laqa’ din ir-riforma li qed issir dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u servizz ta’ prosekuzzjoni ġdid.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis stqarr li l-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid bi qbil unanimu fuq iż-żewġ naħat tal-kamra huwa turija ċara ta’ kemm din l-amministrazzjoni miexja fid-direzzjoni t-tajba f’dan is-settur. Huwa stqarr li l-Gvern huwa impenjat li jagħmel ir-riformi istituzzjonali li hemm bżonn xprunat mir-rapport tal-Kummissjoni Venezja.
Il-Ministru Zammit Lewis saħaq, “Se nibqgħu xprunati mir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, se nagħmlu r-riformi istituzzjonali li hemm bżonn, għalfejn? Għaliex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna rridu nkabbruha fuq livell ewropew mal-komunitá internazzjonali għaliex ir-reputazzjoni tajba ġġibilna investiment serju b’aktar ġid għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”