Il-Gvern se jkun qed jipproteġi u jissalvagwardja kull pensjonant li se jkun affettwat mir-riforma tal-kirjiet protetti. Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt laqgħa virtwali mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti, li fiha ġie spjegat kif se tkun qed taħdem il-liġi proposta.
Il-Ministru tenna li benefiċċju b’saħħtu se jkun qed ikopri kull żieda li se jkollu l-pensjonant fil-kera, biex filwaqt li s-sid jirċievi d-dħul ġust, dan ma jaffettwax il-kwalità tal-ħajja tal-pensjonant affettwat.
Qal kif minn madwar 10,000 familja l-Gvern sab li parti sostanzjali huma pensjonanti. Permezz ta’ benefiċċju li jista’ jlaħħaq l-€10,000 fis-sena skont il-valur tal-proprjetà.
Żied jgħid li l-Gvern ma setax jagħlaq għajnejh u ma jagħmel xejn meta kawża wara l-oħra, fil-Qrati Ewropej tad-Drittijiet tal-Bniedem u anke dawk Maltin, kienu qed jiġu deċiżi kontra l-inkwilini. Għaldaqstant iddeskriva din ir-riforma bħala intervent neċessarju, bilanċjat u f’waqtu.
Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni tal-Pensjonanti qalet li tilqa’ r-riforma li qed tiġi proposta. Qalet li tirrikonoxxi li hemm sfida biex jinstab bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u l-protezzjoni tal-inkwilini, imma li d-direzzjoni tidher li hi waħda tajba.