Il-Gvern qed jipproponi riforma fl-Att dwar l-Awtorità tad-Djar sabiex din l-awtorità tkun aġġornata biex tirrispondi għall-isfidi tal-lum. Apparti minn hekk, l-awtorità se jkollha għodda legali aħjar biex tiġġieled kontra l-abbuż u tgħin lil min għandu bżonn.
Din ir-riforma tinsab quddiem il-Parlament, fi stadju tat-Tieni Qari, li beda t-Tnejn.
Permezz ta’ din ir-riforma, l-awtorità se tespandi l-funzjonijiet tagħha billi issa se jkollha l-poter li tagħmel spezzjonijiet u infurzar fuq skemi tagħha u anki tamministra flejjes li tirċievi minn entitajiet pubbliċi oħrajn.
Barra minn hekk, tista’ tidħol bi sħab ma’ kumpaniji u assoċjazzjonijiet, fost oħrajn, u anki talloka u titrasferixxi proprjetajiet fuq dawk li huma rikonoxxuti bħala għaqdiet volontarji.
B’dawn l-emendi l-Awtorità tad-Djar se tiġbor informazzjoni u anki tippubblika dokumenti ta’ politika relatati mas-suq tal-kirjiet residenzjali privati.
Dwar din ir-riforma, ONE News tkellem mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabli, Roderick Galdes.
“Imma wkoll biex inkomplu nsaħħu dawn l-għajnuniet li nagħtu n-nies, insaħħu l-infurzar ukoll marbut ukoll mas-servizzi li tagħti l-Awtorità tad-Djar. Illum, biss biss, l-awtorità hija wkoll koproprjetarju ma’ familji, ma’ mijiet ta’ familji li għandhom residenza, kopropretarji mal-awtorità nnifisha, u llum ukoll l-awtorità, għan-nom tal-Istat ukoll, qed tintervjeni anki f’suq privat, fost oħrajn f’dawk il-kirjiet ta’ qabel l-1995, u anki tirregolarizza l-kirjiet nonliberazzati.Fuq kollox, ħassejna li l-liġi għandha tirrifletti dawn iċ-ċirkostanzi u se tagħti wkoll opportunitajiet ġodda lill-awtorità biex tkun tista’ testendi mhux biss is-servizzi soċjali, imma tgħin aktar familji ’l quddiem.”
Din l-emenda se twassal biex l-Awtorità tad-Djar tkun aktar effiċjenti, hekk kif il-proċess sabiex ikun imqabbad kuntrattur biex jagħmel xogħol fi blokok tal-akkomodazzjoni soċjali se jkun aktar sempliċi.