Meta kien qed jindirizza l-Parlament taż-Żgħażagħ, il-Prim Ministru staqsa x’raġuni b’saħħitha hemm li żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena li jistgħu jivvutaw, imbagħad ma jistgħux jikkandidaw ruħhom fl-elezzjoni ġenerali.
Hawnhekk semma l-każ ta’ Carlos Zarb, żagħżugħ li ġie elett fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qabel għalaq it-18-il sena iżda ma setax jokkupa l-kariga ta’ Viċi Sindku mal-ewwel minħabba l-liġi.
Saħaq li l-pass naturali għandu jkun li żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena, li għandhom dritt jivvutaw, issa jkollhom id-dritt jikkandidaw ruħhom f’elezzjoni ġenerali, imbagħad il-poplu jagħżel jekk din il-kandidatura jsarrafhiex f’rappreżentanza.
Qal, “Jekk żagħżugħ ta’ 16-il sena u żagħżugħa, għandhom id-dritt illi jivvutaw u jiena konvint li għandu jkun hemm dak id-dritt. Imma għaliex, raġuni b’saħħitha hemm li ma jistgħux jikkandidaw ruħhom, imbagħad jaraw in-nies. Jekk jien lilek ma rridx nivvutalek fl-elezzjoni ġenerali, għandi dritt. Jiena imma Sur President, żgur jekk ikun hemm żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena li jikkandidaw ruħhom, inkun kuntent ħafna li nivvutalhom.”
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jressaq abbozz ambizzjuż dwar ir-riforma fil-liġi tal-kannabis u saħaq li l-kuxjenza ma tagħtux, anki bħala Avukat, li żagħżugħ jitlef karriera minħabba li nqabad b’joint.
Spjega, “Dawk it-tliet mija u ħamsin kontribuzzjoni li daħlu fil-White Paper, iva l-Gvern għamel White Paper kuntrarjament li qal ħaddieħor, dan il-Gvern għamel White Paper u għaliha kellna tliet mija u ħamsin kontribuzzjoni. Dawk it-tliet mija u ħamsin sottomissjoni ġew formolati f’abbozz ta’ liġijiet li se jitressaq quddiem il-Kamra, se jkun abbozz li huwa ambizzjuż. L-għażla kienet waħda ċara; jew nagħmlu emenda nofs sajran jew nagħmlu dak li aħna nemmnu fil-kuxjenza li għandu jsir.”
Imdawwar biż-żgħażagħ, il-Prim Ministru qal li ħadd daqs iż-żgħażagħ m’għandu jimbotta iżjed bidliet għaliex huma ż-żgħażagħ li għada pitgħada se jkunu f’karigi uffiċjali.
Liż-żgħażagħ, il-Prim Ministru qalilhom li sfida globali, possibilment ikbar mill-pandemija hija dik tat-tibdil fil-klima.
Saħaq li sal-2050 għandna miri ambizzjużi li rridu nilħqu.
Il-Prim Ministru semma kif għad hawn pajjiżi li qed jaħsbu li jwaqqfu l-użu tal-faħam, meta Malta ilha li eliminat l-użu ta’ din ir-riżorsa.
Dr Robert Abela qal li ma jridx ikun partiġjan u għalhekk sostna li l-użu tal-heavy fuel oil, għalkemm kien pass ħażin, illum irridu nħarsu ’l quddiem.
Il-Prim Ministru semma li l-użu tal-gass naturali llum jitqies bħala pass intermedjarju għaliex il-pass li jmiss huwa li neqilbu għall-użu tal-idroġenu.
Fid-diskors b’saħħtu li kellu, il-Prim Ministru tkellem dwar it-trasport tal-massa, dibattitu li jrid jibda u fil-ħinijiet li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jitkellem iżjed fuqu u jsaqsi jekk hux se mmorru għalih u kif.