Il-Ministeru għall-Agrikoltura sostna fi stqarrija li, bid-deċiżjoni tagħha llum, il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat kemm ir-riforma fil-liġijiet tal-qbiela li għamel il-Gvern kienet waħda f’waqtha u li maħsuba biex tħares lill-bdiewa f’pajjiżna.
Din kienet bidla fil-liġijiet li kienet akkumpanjata b’miżuri oħrajn li daħħlu ġustizzja u li taw serħan il-moħħ lill-bdiewa għax iddaħħlet ukoll sistema aktar ġusta ma’ sid l-art.
Fil-fatt, kienet il-Qorti, li fis-sentenza tal-Imħallef Ian Spiteri Bailey, innotat li minn meta bdew il-proċeduri biex jiġu żgombrati l-bdiewa, il-Gvern mexxa emendi importanti.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, innota b’sodisfazzjon din id-deċiżjoni tal-Qorti li tagħraf il-bżonn li l-bdiewa tagħna jiġu protetti kontra l-ispekulazzjoni inġusta.