Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tħabbar li dan ix-xahar mistenni jitlesta l-proġett ta’ restawr, li qed isir fuq il-Knisja l-Qadima tas-Salvatur f’Ħal Lija.
Dan il-proġett hu wieħed minn numru ta’ proġetti magħżulin fl-Iskema tal-Kunsilli Lokali u kien ġie propost mill-Kunsill tal-istess lokalità stess.
Il-Ministru Bonnici enfasizza fuq l-importanza ta’ xogħol bħal dan, li għandu l-għan ewlieni li jippriserva u jipproteġi l-wirt patrimonjali importanti u imprezzabbli tal-istess raħal.
Din il-knisja, li tmur lura numru ta’ snin, kienet tintuża bħala dik parrokjali għal madwar seklu. Il-koppla tagħha kienet inbniet merfugħa ’l fuq mis-saqaf biex b’hekk, għall-ewwel darba, fl-istorja tal-arkitettura Maltija, setgħu jitqiegħdu twieqi taħt il-koppla biex idawlu l-knisja.
Ix-xogħol kollu, mid-dokumentazzjoni tas-sit, l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar sax-xogħlijiet tar-restawr, saru kollha mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Il-Perit ta’ dan l-proġett, Mark Azzopardi, f’kummenti li ta, spjega fid-dettal dak kollu li qed jsir fuq din il-knisja.
“Xogħol li jinkludi t-tibdil ta’ ġebel, partikolarment il-partijiet baxxi jew inkella mal-gwarniċa ta’ fuq, imma wkoll xogħol ta’ tiswija u xogħol estensiv ie li sar fuq il-bejt. Il-bejt hu tad-deffun, għamilna xogħol estensiv fuq il-bejt, fuq il-koppla, sar salib ġdid fuq il-koppla wkoll.”
Il-Kappilan Fr Joe Cilia kompla jgħid li dan ix-xogħol hu parti minn kullana ta’ proġetti ta’ restawr, dan bil-għan li nkomplu ngawdu minn dak li bnew missierijietna qabilna.
“Fil-fatt irrestawrajna l-kappella, il-Knisja tal-Madonna tal-Mirakli, irrestawrajna l-kappella ħelwa ngħidulha l-Kappella tal-Belliegħa, iddedikata lit-twelid tal-Madonna tal-Vittorja u wara dik kien imiss il-Knisja, li hi l-parroċċa l-qadima ta’ Ħal Lija, li għal hawnhekk hi xi ħaġa għażiża ħafna.”
Il-Ministru Bonnici, fil-kummenti tiegħu, semma l-importanza ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern ċentrali u dak lokali biex il-poplu jkompli jieħu l-frott ta’ xogħol bħal dan.
“Ridna li, id f’id, mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija nirrestawraw l-esterjur ta’ din l-knisja biex tkompli titgawda mill-ġenerazzjoni preżenti u anke dawk futuri.”
Fl-aħħar, is-Sindku ta’ Ħal Lija wkoll irrimarka kif siti passati jistgħu jkomplu jitgawdew kemm-il darba nibqgħu nieħdu ħsiebhom.
“Tajjeb li ngħidu li din missirijietna tħabtu biex bnewha u aħna qegħdin nibżgħu għaliha biex ta’ warajna jkomplu jgawduha wkoll.”
Preżenti wkoll għall-okkażjoni kien hemm membri mill-istess Kunsill Lokali.