Numru ta’ Membri Parlamentari Nazzjonalisti riedu lill-Kap Adrian Delia jissejjaħ quddiem il-Kumitat PANA meta kien Malta l-Ħamis u l-Ġimgħa.
Iżda l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa, qalilhom li għalkemm ukoll xtaq li jiġri dan, ma kienx se jimbotta din l-idea fil-Popolari Ewropej u fil-Kumitat għaliex kien jinkixef, u tenna li jrid jibża’ għal ġildu.Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd, li żidiet kif il-ħsieb kien li Adrian Delia jissejjaħ dwar l-allegazzjonijiet serji li għamlet fil-konfront tiegħu Daphne Caruana Galizia.
Allegazzjonijiet li għadu sa issa ma jridx li jkunu investigati, tant li għal aktar minn darba ma laqax it-talba li jmur għand il-Maġistrat u jsejjaħ għal-inkjesta dwar il-kitbiet li saru dwaru.
Lil Casa kienu qed jgħidulu biex jimbotta ħalli laqgħa ma’ Adrian Delia tkun fuq l-aġenda tal-kumitat, iżda David Casa – li diġà spiċċa mwarrab mill-ħolma li jsir Segretarju Ġenerali, ma sabx il-kuraġġ li jagħmel dan, u mkejjen fil-Partit Nazzjonalista qalu li ddiżappunta xi ftit lid-dissidenti li dan l-aħħar urew fil-miftuħ li ma jaqblux ma’ Adrian Delia.
Però Casa jaf li l-ġejjieni politiku tiegħu jista’ jkun biss fi Brussell, anki għax meta kkontesta l-elezzjonijiet nazzjonali lanqas inġabar.
Fuq kollox ma riedx jirriskja li n-Nazzjonalisti, li wara kollox għażlu lil Delia, jarawh jaħdem kontra l-Kap fi Brussell għax bħal ħafna Maltin jiddejqu li jaraw dak li hu għażiż għalihom attakkat barra l-pajjiż.
Kien konxju li għalih kienet tfisser suwiċidju politiku, però fl-istess ħin ma ddejjaqx jaħdem kontra Malta fejn kien parti minn kampanja ta’ gideb u qlajjiet fil-konfront ta’ pajjiżna.