Ivan Bartolo, l-eks kandidat Nazzjonalista u l-bniedem li fis-sajf li għadda mexxa kampanja kontra Adrian Delia, qal li n-nies li qegħdin imorru jipprotestaw il-Belt, riedu joqtluh b’għajnejhom għax rawh ikellem lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
F’artiklu f’The Times bit-titlu If looks could kill.., Ivan Bartolo qal li l-Ħadd tal-ġimgħa li għaddiet huwa attenda għal waħda mill-protesti fejn iltaqa’ ma’ Adrian Delia. Qal li ħin bla waqt ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Delia u ddeċieda li jieqaf ikellmu.
Iżda waqt din il-protesta, l-attivisti tal-eks Kap Nazzjonalsita Simon Busuttil ma tantx ħadu gost jaraw lil Bartolo ikellem lil Adrian Delia.
Qal li hawnhekk lemaħ erbat iħbieb fil-folla li jaf x’inhi l-fehma politika tagħhom. Qal li meta rahom, xejrilhom mill-ewwel u kien kuntent li kien qed jarahom.
Madankollu kiteb: “If look could kill. I would be dead by now.”
“Riedu joqtluni b’għajnejhom għax rawni nkellem lil Adrian Delia” kiteb Ivan Bartolo.
Qal li l-ħarsa f’għajnejhom u l-mod kif irreaġixxew urew biċ-ċar li ma ħadux pjaċir jarawh jitkellem u jaqsam il-ħsibijiet tiegħu ma’ Delia. Bartolo żied jgħid li tant ħassu mfixkel b’dan l-atteġġjament li beda jimxi għan-naħa l-oħra tal-folla u telaq lejn id-dar.
Fost din il-folla li rreaġixxiet b’dan il-mod kien hemm Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u l-Ewroparlamentari David Casa fost oħrajn.
Dawn l-esponenti Nazzjonalisti u n-nies li jattendu l-protesti ma tantx jieħdu gost bil-preżenza ta’ Adrian Delia għax ma jarawhx Kap kredibbli.
Dan wara Delia kien ħareġ qatta’ bla ħabel kontra Daphne Caruana Galizia meta b’ton u b’ġesti mill-aktar aggressivi kien għajjarha biċċa blogger.
Dan wara li Caruana Galizia kienet allegat fuq il-blog tagħha li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni. Allegazzjonijiet li dwarhom Delia baqa’ qatt ma mar jitlob inkjesta maġisterjali sabiex inaddaf ismu.
Dak li kiteb Ivan Bartolo ikompli jikkonferma kemm il-qasma fil-Partit Nazzjonalista għadha preżenti.
Fil-fatt il-Malta Today irrappurtat li d-deputati Nazzjonalisti qalu li l-Partit Nazzjonalista qed isir irrelevanti u qatt ma jista’ jiġi elett fil-Gvern.
Is-Sibt Adrian Delia laqqa’ l-grupp parlamentari u l-kumitat eżekuttiv sabiex jiddiskutu l-governanza t-tajba. Iżda d-diskors ta’ Delia qajjem rabja kbira fost id-deputati Nazzjonalisti. Qalu li jinsabu rrabjati għax Delia mhuwiex jattendi u jkun minn ta’ quddiem fil-protesti organizzati fil-Belt.
Irrapportat li fil-laqgħa tal-grupp parlamentari tas-Sibt, id-deputati Nazzjonalisti Claudio Grech, Beppe Fenech Adami u Mario de Marco ċanfru lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.