Ikompli joħroġ fil-beraħ kemm il-Kap Nazzjonalista ried b’mod urġenti lil Salvu Mallia biex ikun il-kandidat stilla tal-Partit Nazzjonalista. F’risposta għall-mistoqsijiet tal-gazzetta Kullħadd, l-eks Ministru Nazzjonalista Joe Borg, li llum huwa ċ-Chairperson tal-Kummissjoni li tapprova l-kandidati Nazzjonalisti saħaq li Salvu Mallia ma deherx quddiem il-kummissjoni, iżda fuq insistenza ta’ Simon Busuttil, Mallia ġie approvat wara sempliċi telefonata.
Mal-Kullħadd, Joe Borg spjega kemm Simon Busuttil ried lil Salvu Mallia bis-saħħa kollha. “Kellimni l-Kap u ddiskutejnieh”, saħaq Joe Borg meta mistoqsi għaliex saret eċċezzjoni għal Salvu Mallia. Żied jgħid,“Salvu Mallia ma deherx għax kien hemm ċertu urġenza u lil Mallia nafuh”. Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Joe Borg, bniedem rispettat ferm fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jkomplu jikkonfermaw kemm l-għażla ta’ Salvu Mallia biex ikun kandidat u jitkellem f’isem il-Partit Nazzjonalista saret fuq insistenza qawwija mill-Kap Simon Busuttil. Mallia li fl-aħħar jiem kompla jgħaddi kummenti li ġabu l-istmerrija minn bosta, fosthom nies fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess. Fejn saħansitra reġa’ qabbel lill-Prim Ministru mal-pesta, il-kanċer u Hitler.
Iżda, fl-istess ġimgħa li għajjar lill-Kummissjoni Ewropea għaliex ġie approvat il-proġett tal-enerġija, Simon Busuttil qed jibqa’ jiddefendih b’ruħu u ġismu. Intant fi ħdan il-Partit Nazzjonalista teżisti rabja u frustrazzjoni wara d-difiża bla rażan mill-Kap għal Salvu Mallia, b’uħud irrikorew biex jiktbu fi gruppi magħluqa fuq facebook sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Iżda l-mistoqsijiet qed ikompli jqumu wara li Salvu Mallia qal li għamel kundizzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista. Kundizzjonijiet li Simon Busuttil qed jirrifjuta li jwieġeb dwarhom, u għalhekk it-tħassib li lissnu nies minn barra u ġewwa l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jikber.