Malta u s-sitta u għoxrin stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jidher li għandhom ir-rieda li jappoġġjaw dak miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u l-parlament Ingliż.
Dan stqarru l-Prim Ministru Joseph Muscat fid-dawl tal-aħħar żviluppi b’rabta ma’ Brexit:
Il-Prim Ministru spjega kif “dalgħodu kien hemm il-laqgħa tal-Coreper jiġifieri laqgħa tal-Permanent Representatives kollha fejn ingħatajna, rappreżentant tagħna flimkien ma’ 26 oħra ngħataw l-aħħar dettalji. Huwa ċar li l-laqgħa tal-25 tax-xahar mhux se tkun drafting session, ma narax kwistjoni li nappoġġjaw dak miftiehem bejn UE permezz tas-Sur Barnier u Parlament Ingliż.”
Fl-aħħar żviluppi, persuni li kkampanjaw favur Brexit fil-Kabinett Ingliż komplew jappoġġjaw lil Theresa May fost tentattivi ta’ xi Membri Parlamentari tal-Partit Konservattiv biex titneħħa minn Prim Ministru.
Il-Membru Parlamentari Ingliż Michael Gove qal li huwa kellu kunfidenza assoluta f’May hekk kif ikkonferma li hu mhux se jsegwi għadd ta’ ministri oħra li rriżenjaw.
Stqarrija mtennija mill-Membru Parlamentari Liam Fox li ħeġġeġ il-membri parlamentari biex jappoġġjaw l-abbozz tal-Prim Ministru dwar il-ftehim ta’ Brexit u qal li qbil huwa aħjar mix-xejn.
Dan sar fl-isfond li aktar konservattivi esprimew diżappunt bit-tmexxija ta’ Theresa May u ħeġġew għal vot ta’ kunfidenza.
Il-Prim minsitru Ingliż, Theresa May qalet li tibqa’ kommessa mal-ftehim tagħha hekk kif fi kliemha, dan huwa fl-interess nazzjonali.
Il-pass li jmiss huwa li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiltaqa’ fil-ħamsa u għoxrin ta’ Novembru li ġej sabiex ikun finalizzat il-ftehim:
Il-Prim Ministru spjega “min-naħa Maltija żgur u anke min-naħa Ewropea jidher li dak miftiehem mis-Sur Barnier, jiġi endorsed.”