Kull sena l-Awtorità tal-Artijiet tikkontribwixxi aktar minn €40 miljun lejn id-dħul tal-pajjiż.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fl-uffiċċji tal-Awtorità tal-Artijiet.
Fil-fatt il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella qal li l-ħaddiema huma mimlija ħeġġa u huma favur pjan li jagħti spinta biex l-Awtorità tkun aktar effiċjenti, trasparenti u ta’ servizz tajjeb lill-konsumatur.
Kien hawnhekk li spjega li minkejja d-diffikultajiet li taffaċċja din l-Awtorità, din iż-żjara timmarka l-bidu ta’ fażi oħra ta’ bidla bżonnjuża fi ħdan din l-Awtorità.
“It-tieni fażi l-viżjoni bbażata fuq Awtorità li tħares iktar lejn servizz tal-konsumatur u dan mhux bi kliem biss. Dan irid isir investiment biex is-sistemi antikwati jiġu digitised, ikun hemm iktar aċċess mill-pubbliku, ineħħu qisu dak il-velu tal-misteru li għandha l-Awtorità hemm barra, li kulħadd jgħid li hemmhekk ma nersaqx għax diffiċli tinqeda. Dak kollu jrid jispiċċa.”
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Schembri sostna l-importanza li iżjed minn qabel l-Awtorità tal-Artijiet trid tkun iżjed miftuħa u ssaħħaħ l-effiċjenza b’servizzi aħjar lill-konsumatur.
Il-Ministru Schembri semma li fil-qofol ta’ din il-ħidma hemm l-ixprunar ta’ iżjed trasparenza li se jkun sostnut bid-diġitalizzazzjoni li jgħinu biex l-Awtorità tiftaħ iżjed il-bibien tagħha.
Filwaqt li esprima li hu konxju mill-isfidi li hemm, il-Ministru Schembri spjega wkoll li fiż-żmien li ġej se jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet importanti li se jwittu din it-triq għall-Awtorità.
Saħaq li l-Awtorità tagħti kas ħafna ir-riżors uman li għandha u hu jemmen fil-potenzjal tal-ħaddiema.
“Meta ħadt ir-responsabilità tal-Awtorità kien hemm ħafna min qalli isma’ għandi file ilu jistenna għoxrin sena, ilu jistenna għaxar snin. Dan nixtieq li jkunu affarijiet tal-passat. Naf li mhiex xi ħaġa faċli, hija xi ħaġa diffiċli li nagħmluha però huwa r-rieda u l-potenzjal li nistgħu notjenu Awtorità iktar miftuħa għan-nies u iktar effiċjenti.”