Żagħżugħ Ingliż li prova jaħtaf pistola ta’ Pulizija waqt dimostrazzjoni f’Las Vegas qal li ried jispara lejn Donald Trump.
Michael Steven Sandford għandu għoxrin sena u deher quddiem il-Qorti ta’ Nevada, fejn qed jinżamm fil-kustodja tal-Pulizja sakemm jinstema’ l-każ fil-bidu ta’ Lulju.
Sandford qal li ried il-firma tal-kandidat għall-elezzjoni presidenzjali Trump waqt attività s-Sibt li għadda. Daħal f’zona ristretta u ħataf l-arma tal-Pulizija. Qal li kien ilu jippjana li joqtol lil Trump għal madwar sena, iżda kien biss issa li ħassu kunfidenti biżżejjed li jieħu azzjoni. Saħansitra mar jistħarreġ biex jitgħallem kif jispara għal din l-okkażjoni. Ir-raġuni għaliex ried joqtol lil Trump għadha mhix magħrufa.
Intant id-drama madwar Trump ma tonqos qatt – issa keċċa lil Corey Lewandowski, dak li kien qed imexxilu l-kampanja. Mistoqsi mis-CNN għaliex tkeċċa, wieġeb biss li ma jafx, iżda jibqa l-fatt li Trump qed isib reżistenza kbira minn membri oħra fi ħdan il-partit Republikan stess.