- Simon Busuttil għandu jitlaq ma jdumx
Li tliet ijiem wara r-riżultat tal-inkjesta Egrant, Simon Busuttil għadu membru parlamentari hija xi ħaġa inaċċettabbli. Sostnew dan il-Ministru Evarist Bartolo u d-deputat Alex Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet. Fuq kollox, innotaw il-kelliema, Simon Busuttil ried iwaqqa’ gvern u se jispiċċa jwaqqa’ oppożizzjoni.
Il-Ministru Evarist Bartolo tkellem dwar kif pajjiżna ma jixraqlux it-tip ta’ politika li għamel Simon Busuttil qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Fisser kif meta fl-aħħar jiem tkellem ma’ diplomatiċi u politiċi barranin kienu xxokjati kif kien hemm min lest jagħmel dan il-frame up.
“B’din il-gidba provaw ikissru gvern, imma se jispiċċaw jitkissru huma u se jispiċċaw ikissru oppożizzjoni,” insista l-Ministru Bartolo li nnota kif minn x’ħin ħarġet iswed fuq l-abjad l-inkjesta dwar Egrant il-moviment madwar il-Partit Laburista baqa’ jissaħħaħ.
“Kellna nies li ma kienux magħna fl-aħħar elezzjoni li tkellmu magħna u qalulna kif iħossuhom traduti, iħossuhom imqarrqa,” żied Bartolo li fisser kif din ma kinetx kwistjoni ta’ ġudizzju politiku. “Din kwistjoni ta’ xi ħadd li kien jaf li qed jirkeb fuq gidba, fuq att kriminali, u biex jaħtaf il-poter niżżel in-nies fit-toroq u mar mal-erbat irjieħ tad-dinja jgħamel il-ħsara lill-pajjiżna,” żied Bartolo.
Id-deputat Alex Muscat qal li bl-inkjesta Egrant kellna konferma ta’ dik li hi l-ikbar gidba ċċertifikata fl-istorja politika ta’ pajjiżna. “Gidba li setgħet tkisser pajjiż u kienet maħsuba biex tkisser ukoll familja – u sal-lum min mexxiha b’tant saħħa ‘l quddiem għadu ma kellux id-diċenzja jwarrab minn kull kariga li jokkupa,” qal Alex Muscat.
Muscat insista li post Simon Busuttil m’għadux fil-parlament. Mhux biss minħabba l-ġudizzju politiku imma għax kien hu l-iktar wieħed li mbotta l-frame up fuq il-familja tal-Prim Ministru. “Għalina dan mhux aċċettabbli,” temm Muscat.