Il-Kummissarju tal-Pulizija kien korrett meta ċaħad l-applikazzjoni ta’ raġel għal liċenzja ta’ gwardjan, fid-dawl tar-rekord tiegħu. Dan iddeċidietu l-Qorti tal-appell.
Christopher Galea kien applika għal liċenzja biex issir gwardjan iżda ġie miċħud mill-Kummissarju tal-Pulizija f’Awissu 2014, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.
Il-Kummissarju tal-Pulizija kien osserva li Galea kellu diversi kwistjonijiet mal-liġi u għalhekk kien ta’ theddida kontinwa għall-pubbliku.
Fl-2010 kien instab ħati li saq vettura mingħajr liċenzja. Sena wara kien ikkundannati li hedded u abbuża uffiċjali tal-pulizija verbalment, minbarra li ostakolahom mill-qadi ta’ dmirijiethom.
Huwa kien instab ħati wkoll ta’ dagħa fil-pubbliku u li ddisturba l-paċi pubblika. Fl-2012 kien inqabad isuq taħt l-influwenza tax-xorb jew drogi.
Kien mixli wkoll li biddel il-kulur tal-vettura tiegħu mingħajr ma informa Transport Malta.
Galea kien talab rikors quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva li kien argumenta li l-Kummissarju kien immissu ikkonsidra biss il-kundanni kriminali li hemm fuq il-kondotta biss. Il-każ mar quddiem il-Qorti tal-Appell, fejn il-Maġistrat Anthony Ellul kien favur il-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa enfasizza li l-ħidma ta’ gwardjan titlob ħafna responsabbiltajiet u l-Kummissarju tal-Pulizija kellu dritt jirrifjuta l-liċenzja lill-applikant.