Żagħżugħ ta’ sittax u għoxrin sena u missieru ta’ ħamsa u ħamsin sena miż-Żurrieq ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati b’użura u theddid.
Il-prosekuzzjoni qalet li nhar il-Ħamis irċevew rapport għal assistenza peress li kien hemm raġel li kien qed jipprova jneħħi ħajtu.
Meta marru fuq il-post, ir-raġel spjegalhom li ssellef€7,500 mingħand żewġ xufiera tat-taxi u li f’sentejn bdew jitolbuh lura €220,000. Żiedu li s-somma naqqsuha għal €150,000 wara li ż-żewġ naħat tkellmu.
Quddiem il-Maġistrat, il-prosekuzzjoni qalet li rat il-messaġġi fejn l-akkużati talbu l-flus lill-vittma u qalu ukoll li għandhom irċevuti ffirmati dwar dan is-self.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u qalet li l-akkużati għandhom kondotta nadifa. Iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, fosthom minħabba theddid li ż-żagħżugħ għamel lill-vittma – filfatt aktar kmieni fix-xahar ta’ Diċembru heddu li jekk ma jtihx il-flus fi żmien ħmistax, l-ebda minnhom ma kienu se jgawdu l-Milied.
Il-Maġistrat ma laqax it-talba tad-difiża u ordnat li ż-żewġ imputati jinżammu arrestati.