Mindu l-helpline 1770 tnieda fuq bażi nazzjonali biex joffri wens tul il-pandemija Coronavirus, il-Fondazzjoni Richmond bdiet tirċievi mas-600 telefonata f’ġimgħa. Dan meta qabel, dan l-istess ammont ta’ telefonati kienet tirċievihom fi tliet xhur.
Dan ħareġ minn informazzjoni li għaddiet l-istess Fondazzjoni dwar kif inbidel l-operat tagħha kawża tal-pandemija. Hawnhekk il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Stefania Dimech Sant qalet li l-organizzazzjoni għadha taħdem biex toffri s-servizzi tagħha anke b’mod online, fosthom bil-kampanja Gift of Therapy.
Għal dan, il-fondazzjoni qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku biex permezz ta’ donazzjonijiet, tkun tista’ toffri terapija bla ħlas lil dawk bi problemi finanzjarji. Dimech Sant żiedet tgħid li fost ħidma oħra l-Fondazzjoni se tkompli ssegwi l-imxija ta’ din il-marda f’Malta u l-effetti anke fit-tul li jista’ jkollha fuq is-saħħa mentali.
Il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-Fondazzjoni, Daniela Calleja Bitar qalet li l-pandemija Coronavirus żiedet id-domanda u anke l-ispejjeż tal-fondazzjoni, u għalhekk qed toħroġ sejħa wkoll għal voluntiera u professjonisti biex jagħtu sehemhom anke b’mod virtwali.
Biex tagħti d-donazzjoni tiegħek, jew biex tapplika bħala voluntier mal-Fondazzjoni żur is-siti:
www.richmond.org.mt – biex tapplika bħala voluntier
www.richmond.org.mt/donate – għal donazzjonijiet