Aktar minn tmenin riċetta differenti ġew ippubblikati fl-għaxar edizzjoni tal-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb’ li dħul minnu se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Ir-riċetti f’dan il-ktieb saru minn mitejn student tas-sekondarja minn tlieta u għoxrin skola madwar Malta u Għawdex.
It-tema ewlenija għal din is-sena kienet ta’ ‘Tisjir mill-perspettiva taż-żgħażagħ’ u għalhekk l-għażla waqgħet fuq l-istudenti li jsegwu s-suġġet tal-ospitalità.
Fit-tnedija tal-ktieb, tkellimna ma’ Gwen Camilleri li tattendi l-iskola ta’ San Andrea u hija waħda mill-istudenti li ħadmet fuq l-ikel veġiterjan.Minkejja li parti kbira minn dan il-ktieb ġie deddikat għall-ikel veġeterjan – xorta waħda hemm varjetà ta’ ikel ieħor għall-ġosti ta’ kulħadd.
L-istudenti li ħadmu fuq dan il-ktieb ta’ riċetti għandhom is-suġġett vokkazzjonali tal-Ospitalità fl-istudju tagħhom.
Dan is-suġġett jgħinhom ħafna biex jaslu għal dan il-proġett kif qalilna Larkyn Camilleri, student tar-raba’ sena sekondarja fil-Kulleġġ ta’ Santu Wistin.
Fit-tnedija tal-ktieb it-Tnejn filgħodu fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet kif l-importanza tal-ktieb mhijiex biss riċetti bnini, iżda li l-qligħ minn dan il-proġett imur għal għan iżjed nobbli.
Qalet kif il-‘Malta Community Chest Fund’ għandha bżonn miljuni kbar ta’ ewro, bl-akbar spiża tkun għat-terapija tal-kanċer li qiegħda tlaħħaq aktar minn tmin mitt elf ewro fix-xahar.