L-edizzjoni ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’ ta’ din is-sena huwa mogħni b’riċetti minn madwar id-dinja u b’hekk iżżewġu flimkien id-diplomazija u l-gastronomija.
Permezz ta’ kollaborazzjoni mill-ambaxxaturi u l-kummissarji għolja residenti f’Malta, dan il-ktieb jinkludi għadd ta’ riċetti tipiċi tal-pajjiżi tagħhom. Tisjir mill-Qalb ta’ din is-sena qed jgħaqqad il-wirt kulturali u gastronomiku ta’ pajjiżi differenti minn madwar id-dinja. L-għan tal-ktieb huwa li jinseġ l-ikel u l-kultura flimkien, b’ġabra ta’ riċetti tradizzjonali minn pajjiżi li forsi qatt mhu se jkollna l-opportunità li nżuru. Barra minn dan, il-ktieb jiġbor riċetti minn 20 pajjiż differenti lkoll magħmula minn ingredjenti li nsibu fi ħwienet lokali.
Mart il-President, is-Sinjura Miriam Vella qasmet magħna l-ħsibijiet tagħha dwar l-edizzjoni ta’ Tisjir il-Qalb ta’ din is-sena.
Qalet, “Dan ifisser ħafna għalina għaliex il-pro seats tiegħu jmorru kollha għal Community Chest Fund però din is-sena dan il-ktieb sar b’differenza, mhux riċetti Maltin bħal ma nagħmlu ssoltu, din id-darba tlabna lill-ambaxxaturi kollha li hawn Malta u ġabu il-koki u għamlulna ir-riċetti tradizzjonali ta’ kull pajjiż differenti”.
Il-President George Vella li flimkien ma’ martu Miriam kienu qed jiffirmaw lill-pubbliku il-kotba, qalilna dwar l-importanza li jinġabru aktar fondi għall-ġid tal-pazjenti.
Qal, “Hija faċli li wieħed jifhem li hemm bżonn li nkunu konxji ta’ kemm huma kbar il-fondi li toħroġ il-Community Chest Fund u matul is-sena apparti f’okkażjonijiet partikolari nagħtu dak li nistgħu nagħtu ħalli dan il-fond jibqa’ jkun fih biżżejjed biex min jitlob permess isibha”.
Tisjir mill-Qalb elfejn u tlieta u għoxrin għandu dehra ġdida, u qed jinbiegħ kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż, bil-prezz ta’ €15 mill-ħwienet ewlenin u mill-Uffiċċji tal-Malta Community Chest Fund.