Erba’ timijiet ta’ riċerkaturi u intraprendituri ingħataw total ta’ €67,500 permezz tal-MarSA, il-Maritime Seed Award, imwaqqaf b’mod konġunt mill-Malta Marittima u l-Università ta’ Malta. Iċ-ċerimonja tal-għotja saret fit-TAKEOFF Business Incubator, fl-Università, u għaliha attendew ir-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella, il-Pro Rettur il-Prof. Saviour Zammit, Dr Daniel Aquilina, Chairman tal-Aġenzija Malta Marittima, il-Prof. Russell Smith, Direttur taċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u l-Inkubazzjoni tan-Negozju, u Dr Ing. Anton Bartolo, Direttur tal-Uffiċċju għat-Trasferiment ta’ Tagħrif fl-Università, kif ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Għat-Transport, is-sur Ronald Mizzi u d-Direttur, Ms Karen Demicoli.
Il-kategorija Proof of Concept kienet miftuħa għar-riċerkaturi mill-Università li kienu qed ifittxu fondi sabiex jikkommerċjalizzaw teknoloġiji innovattivi. L-applikanti li kisbu suċċess kienu: A Spar-Type Floating Wind Turbine Platform with Integrated Deep Seawater Storage, teknoloġija ddisinjata biex tnaqqas il-marka tal-karbonju relatata mal-proċess li bih il-gass naturali jsir likwidu; Glowrust, “molekula intelliġenti” iddisinjata biex tinduna bil-korrużjoni qabel ma din tkun tista’ tiġi osservata bl-għajnejn; u Solaqua2, disinn innovattiv għal pjattaforma fuq il-baħar b’sistema fotovoltajka. Il-kategorija Seed Fund kienet miftuħa għal intraprendituri li qegħdin jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi. Ir-rebbieħ f’din il-kategorija kien SEA!-Water, apparat li jinżamm fl-idejn li jħaddem forward osmosis sabiex jiġi estratt ilma tax-xorb nadif mill-ilma baħar.
Dr Daniel Aquilina, Chairman ta’ Malta Marittima, ħabbar ukoll għotja oħra ta’ fondi MarSA għall-2017, li tammonta għal €32,500. Innovaturi u intraprendituri interessati huma mistiedna jattendu għal workshop li se jsir minn TAKEOFF nhar il-11 ta’ Settembru 2017.
Ir-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella, qal li “Malta hija nazzjon marittimu u l-Università tappoġġja b’entużjażmu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u innovazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-baħar. Aħna kuntenti naraw il-kwalità għolja ta’ proposti sottomessi fl-ewwel sejħa u ħerqana biex naraw il-MarSA li jmiss x’ser tattira.”
Għal aktar dettalji kif tapplikaw żuru www.takeoff.org.mt