StudjuDWARNA huwa programm ta’ riċerka biex, permezz ta’ kampjuni tad-demm, tat-tessuti, jew tal-bżieq, ix-xjenzati jkunu jistgħu jifhmu aħjar l-identità Maltija x’inhi minn aspett xjentifiku. Dan, imbgħad, ikompli jgħin fil-ġlieda kontra l-mard, inkluż dak rari, u fl-effettività ta’ mediċini defferenti fuq tipi ta’ strutturi ġenetiċi differenti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Professur Nikolai Pace mill-Univerità ta’ Malta, li qed imexxi dan il-proġett, qal li dan l-istudju qed isir biex tinbena bażi tad-dejta b’informazzjoni b’saħħitha.
Qal “Ir-raġuni speċifika hi illi s’issa m’għandniex informazzjoni biżżejjed biex inwieġbu l-mistoqsija fejn ċertu mard, kemm komuni kif ukoll rari, huwa iktar komuni f’Malta, i umparat ma popolazzjonijiet oħrajn.”
Dr Christopher Barbara, iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, spjegalna kif id-DNA li se tinġabar mill-kampjun, minn fost il-popolazzjoni, se jintefa’ f’bank bijoloġiku sabiex imbagħad pajjiżna jkun fuq quddiem tar-riċerka ta’ dan it-tip billi jkollu dik li tissejjaħ librerija tal-mard kollu.
Huwa saħaq li librerija ta’ din it-tip hija importanti għax, bħal kwalunkwe librerija oħra, permezz tagħha jkollna informazzjoni rigward marda jew kundizzjoni speċfika li tkun tista’ tintuża sabiex potenzjalment tfejjaq pazjent.
Qal “Meta jkollna librerija, min-naħa tal-Università, li qed jagħmlu din ir-riċerka, u min-naħa tal-isptar, li jkun qed jagħmel id-dijanjosi fuq il-pazjent, se jaħdmu id f’id biex b’hekk tibbenefika int u l-pazjent li jkun marid biex naslu għad-dijanjosi”
Huwa qalilna wkoll li, kull min se jieħu sehem f’din ir-riċerka se jkollu l-opportunità li jagħżel jekk jixtieqx li jsir jaf fuq il-ġenetika tiegħu. Dan joffri ċans li wieħed jitgħallem fuqu nnifsu minn aspett ġenetiku.
Filwaqt li saħaq fuq l-importanza ta’ din ir-riċerka sabiex inkomplu ngħinu lil persuni li jbatu minn kull tip ta’ mard, il-Ministru responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li din toffri ukoll inċentiv lill-istudenti għax tagħtihom opportunità unika biex ikabbru l-għarfien tagħom.
Waqt il-konferenza tnieda wkoll is-sit ettroniku dwarna.mt. Minn hemm wieħed jista’ jikseb iktar informazzjoni kif ukoll japplika biex jieħu sehem f’dan l-istudju u jkun parti mid-definizzjoni xjentifika ta’ x’inhi l-identità Maltija.