Tim magħmul minn riċerkaturi u inġiniera Maltin, temm il-proġett MaltaHip, li ra l-iżvilupp ta’ ġog ġdid għall-ġenbejn b’disinn differenti, li l-għan tiegħu huwa li l-ġog iservi għal iktar żmien minn dawk li hemm bħalissa fis-suq.
Il-Professur Pierre Schembri Wismayer spjega kif l-idea nibtet wara li osserva kif il-kundizzjoni tal-artrite ma’ tolqotx ħafna l-għaksa.
B’hekk f’Malta stess ġie ddisinjat u mmanifatturat ġog tal-ġenbejn li juża l-istess mekkaniżmu ta’ moviment tal-għaksa.
Qal kif wara proċess ta’ ttestjar f’laboratorju fil-Ġermanja rriżulta li dan il-ġog b’disinn ġdid jittiekel erba’ darbiet inqas mill-ġogi li jintużaw bħalissa.
“Jidher li jittiekel 3 jew 4 darbiet inqas minn ġog normali jiġifieri jekk ġog normali ġo persuna jew pazjent idum 15 jew 20 sena, jista’ jkun li tagħna jdum il-fuq minn 40 sena. Issa ovjament dak huwa ta’ benefiċċju għax jekk ikollok pazjent ibiddlulu l-ġog ta’ ħamsin sena qed ngħidu dan tagħna se jibqa’ sa 90 sena.”
Il-Professur Wismayer spjega li issa se jibdew diskussjonijiet ma’ kumpaniji ta’ manifattura biex dan il-prodott ikun jista’ jinbiegħ fis-suq.
“Nibdew nitkellmu ma’ kumpaniji kbar li jistgħu jagħmluh huma stess u jwassluh sas-suq fejn umbgħad jista’ jintuża mill-pazjenti.”
James Foden mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għas-suċċess ta’ dan il-proġett.
“Alavolja l-proġett għalaq bħala riċerka huma jistgħu jkomplu jibbenefikaw minn ċertu vouchers li huma optional biex ngħinuhom ukoll fuq ‘business planning’, fuq ‘initial patent application’ biex huma jkunu jistgħu jersqu l-quddiem biex xi darba dan il-prodott ikun jista’ jinbiegħ fuq is-suq.”