Tim ta’ riċerkaturi Maltin żviluppaw ġog gdid biex jintuża fl-operazzjoni tal-bdil tal-ġenbejn. Il-ġog ġie żviluppat b’tali mod li jservi aktar u joħloq inqas kumplikazzjonijiet wara li jiġi impjantat fil-pazjent.
Madwar l-Ewropa hemm eluf kbar ta’ nies li qegħdin jistennew b’ħerqa kbira li ssirilhom l-operazzjoni għall-bdil tal-ġenbejn li f’Malta jsiru medja ta’ 400 fis-sena.
Grupp ta’ riċerkaturi fi ħdan l-Università ta’ Malta żviluppa dan il-ġog tal-ġenbejn innovattiv u li mit-testijiet li diġà saru fuqu jirriżulta li jservi aktar minn dawk li diġà jinsabu fis-suq.
Dan il-ġog bl-isem MaltaHip immaterjalizza wara invenzjoni tal-Professur Pierre Schembri Wismayer mill-Fakultà tal-Mediċina u l-kirurġija flimkien mal-Professuri Inġiniera Joseph Buhagiar, Pierluigi Mollicone u l-Inġinier Donald Dalli mill-Fakultà tal-Inġinerija.
F’intervista ma’ ONE News l-Inġinier Dalli li ffoka t-teżi tad-dottorat tiegħu fuq dan il-proġett, spjega kif dan il-ġog huwa differenti minn dawk li jintużaw bħalissa.
Is-Sur Dalli spjega: “Minflok għandna ball and socket bħalma nsibu fil-ġisem tal-bniedem qegħdin nużaw sensiela ta’ ċilindri li huma perpendicular ta’ xulxin u dan jagħmel it-tliet movimenti tas-sieq.”
L-Inġinier Buhagiar spjega kif l-idea wara l-ġog ġiet minn osservazzjoni tal-Professur Schembri Wismayer meta nnota li fl-għaksa jkun hemm inqas artrite.
Is-Sur Buhagiar stqarr: “Qalli għandi idea interessanti għax qed ninnota li fl-għaksa hemm inqas artrite. Qalli dik qed ninnotaha jien bħala anatomist. Taħseb li nistgħu nirreplikawha fil-ġisem?”
Spjega li din l-invenzjoni li ġiet iddisinjata u mmanifatturata f’Malta mill-kumpanija tal-familja Empav Engineering qiegħda tiġi ttestjata f’laboratorju akkreditat fil-Ġermanja sabiex jiġi kkalkulat kemm dan il-ġog jista’ jibqa’ effettiv fil-pazjent qabel ikun irid jinbidel għax ma jibqax aktar effettiv.
Is-Sur Buhagiar fisser: “Bagħatna l-implants il-Ġermanja. It-testijiet bdew jiġu lura għax huma kull ġimgħa jibagħtu lura r-riżultati u qiegħed jidher fiċ-ċar li d-disinn il-ġdid tagħna huwa ta’ potenzjal tajjeb ħafna.”
Fil-fatt spejga li diġà saru interventi b’suċċess ta’ tibdil tal-ġog fil-ġenbejn fuq katavri. Huwa temm jgħid: “Impjantajnieha f’katavru li jibqa’ artab u allura li tkun tista’ taħdem bih u l-kummenti tagħhom kienu pożittivi ħafna.”
Din l-invenzjoni li għan li ttejjeb il-ħajja tal-pazjenti li jiġu bżonn din l-operazzjoni rebħiet tliet premji prestiġġjużi fosthom il-Premju Propjetà Intellettwali fil-kategorija Inizjattiva Xjentifika u l-Premju tal-Eċċellenza Industrijali.
Il-proġett MaltaHip huwa ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija permezz ta’ FUSION: Il-Programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni fl-Iżvilupp tat-Teknoloġija 2016.