“Malta u Għawdex għandhom il-kwalitajiet kollha sabiex jibqgħu jiksbu s-suċċessi u r-riżultati tajbin ferm fil-qasam turistiku.”
Iddikjaraw dan żewġ professjonisti barranin li bħalissa jinsabu f’pajjiżna għat-tmintax-il edizzjoni tal-avveniment prestiġjuż Circle Conference, u li din is-sena qed isir għall-ewwel darba f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Istitut tal-Istudji Turistiċi, l-ITS.
F’kumment ma’ ONE News, Professur f’universitajiet prominenti fil-Ġermanja u Ċipru qal kif baqa’ impressjonat bil-mod kif Malta tiċċelebra t-tradizzjonijiet tagħha bħall-Għid u saħaq li dan kollu jgħin bil-kbir sabiex ikompli jissaħħaħ it-turiżmu.
Kaufmann qal, “I used the opportunity to have a prolonged holiday and celebrated the Easter holidays and I was most impressed by the celebrations and by the huge amount of capital of heritage you have here in Malta, which is a wonderful precondition for successful tourism.”
Min-naħa l-oħra, riċerkatur mill-Bożnija-Ħerzegovina nnota l-wirt kulturali sinjur li għandu pajjiżna u spjega kif Malta, anke permezz ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, tista’ tkun fuq nett tal-lista tal-aqwa żoni turistiċi fl-Ewropa.
Dukic stqarr, “Malta has all the preconditions and is a beautiful holiday resort – as Valletta and other cities – but let us as researchers and professors give new hints to Maltese how R&I in tourism would help Malta even to grow bigger and become the number one touristic spots in Europe.”
Dwar riċerka li saret minn bosta professjonisti u li ġiet diskussa fil-konferenza tal-lum, il-Professur Glen Farrugia mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi saħaq kif kollox qed juri li hemm futur sabiħ ħafna għall-qasam turistiku f’pajjiżna, anke wara pandemija.
Farrugia saħaq, “Ir-riċerka tidher ukoll li qed tindika prospetti sbieħ ħafna għat-turiżmu, speċjalment għall-kwalita u dak li jirrigwardja l-konsumatur. Is-sodisfazzjon tal-konsumatur biex kemm jista’ jkun jerġa’ jiġi lura, iżur Malta, u jxerred il-kelma li Malta hija destinazzjoni importanti u interessanti biex dak li jkun jiġi hawnhekk u jieħu prodott mill-aktar sodisfaċenti.”
Circle International ta’ kull sena tiġbor flimkien, f’pajjiżi differenti, professuri u letturi minn universitajiet differenti sabiex tiddiskuti u tippreżenta riċerki varji.
It-tema ewlenija fil-konferenza f’Malta kienet dwar it-turiżmu u l-effetti tal-pandemija fuq dan is-settur.