Wara t-terremot li seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tan-00:30, b’saħħa ta’ 5.5 fuq l-Iskala Richter, kienu bosta li fuq il-midja soċjali wrew it-tħassib tagħhom u staqsew għaliex dan qed iseħħ.
ONE News tkellem mar-riċerkatur fil-Fakultà tal-Ġeoxjenza fl-Università ta’ Malta, Dr Matthew Agius dwar dan u qal x’inhu l-kaġun ta’ dawn it-theżżiżiet.
Agius qal kif, “It-terremot li seħħ kien ta’ qawwa aktar minn 5 fuq l-Iskala Richter u nħass minn diversi lokalitajiet. Dan it-terremot huwa parti minn sensiela li kellna f’Jannar u Frar u matul dan iż-żmien aħna bqajna nkejlu t-terremoti li jseħħu. Din attività kontinwa. Ir-raġuni wara dawn it-terremoti hi li, int għandek il-kontinent Afrikan li nagħmlu parti minnu u dan dejjem jimbotta ‘l fuq lejn l-Ewropa. Huwa moviment kontinwu li ilu għaddej miljuni ta’ snin u dan ovvjament jimmanifesta ruħu f’terrimoti li qed inħossu.”
Huwa spjega li dawn huma movimenti normali u li jseħħu minn żmien għal żmien. Qal kif iseħħu diversi terrimoti li ma jinħassux iżda kultant ikun hemm dawk, bħal dak li seħħ dalgħodu, li jinħass minn diversi persuni.
Agius tenna li dawn it-theżżiżiet se jibqgħu jsiru però ma hemmx lok ta’ allarm. Huwa spjega dwar persuna x’għanda tagħmel f’ċirkustanzi bħal dawn.
Spjega kif wieħed m’għandux iħossu allarmat, hekk kif jaf nibqgħu nħossu xi terremoti fil-ġimgħat li ġejjin u anke xhur, iżda li m’hemm l-ebda lok ta’ allarm żejjed.
Agius qal kif jekk f’każ ikun hemm ċaqlieq aktar b’saħħtu, tajjeb li wieħed ikun jaf kif iżomm lilu nnifsu sigur, l-appell hu li wieħed jibqa’ kalm u jfittex żona fejn jista’ jistken taħtha anke fil-post fejn ikun u jevita li jitla jew jinżel taraġ hekk kif jaf ikun aktar ta’ periklu.