Andrea Dibben, li għamlet riċerka dettaljata ferm dwar l-ommijiet adolexxenti, ikkonkludiet ukoll li wasal iż-żmien li pajjiżna jibda diskussjoni serja dwar il-morning after pill.
Dibben kienet qed titkellem dwaqt il-programm Għandi Xi Ngħid fejn tat spjegazzjoni dettaljata ta’ dak li rriżulta mir-riċerka tagħha.
“Is-‘saying’ li l-irġiel bandiera bajda hija popolari u hemm każi fejn hu hekk. Però hemm ħafna missirijiet involuti,” qalet Dibben li r-riċerka tagħha rat diversi tfajliet jikkummentaw kif il-ġuvni baqa’ għaddej b’ħajtu normali.
Dibben tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ iktar appoġġ lil min jinqabad f’sitwazzjoni ta’ tqala kmieni, b’mod partikolari lejn il-parti maskili.
“Is-servizzi tagħna mmirati kollha lejn it-tfajliet. Din hi l-idea ta’ bandiera bajda. Għadna naħsbu li l-konsegwenzi li jkollok x’taqsam ma’ xi ħadd huma differenti għal tfajla u ġuvni,” qalet Dibben li spjegat kif id-differenza medja fl-età bejn l-omm u l-missier hi ta’ seba’ snin. L-istess bħal l-Istati Uniti.
Interessanti ħafna li tnejn minn kull tlieta li pparteċipaw fir-riċerka qalu li pjanaw it-tqala filwaqt li l-użu tal-kontraċettivi kien kważi ma jeżistix f’ħafna każi.
“Jiġifieri dak kollu li qed nagħmlu fl-edukazzjoni huwa out of the remit. Jista’ jkollok l-informazzjoni kollha. Imma jekk trid toħroġ tqila se toħroġ tqila,” żiedet tgħid Dibben li rriflettiet dwar il-morning after pill.
“Din hija xi ħaġa illegali hawn Malta. Dan huwa kontraċettiv ta’ emerġenza,” qalet Dibben li stqarret kif hemm ċirkostanzi iktar minn oħrajn. “Hemm sitwazzjonijiet fejn xi ħadd ikollu inqas ċans li juża kontraċettivi. Tqum l-għada filgħodu u tgħid: x’se ngħamel? Ma tista’ tgħamel xejn jekk toqgħod Malta. Trid tgħamel sakemm jgħaddi xahar u forsi jiġik il-period,” qalet Dibben li tkellmet ukoll dwar il-kwistjonijiet etiċi.
Il-preżentatur fakkar kif hija illegali għax hija aboritva, bir-riċerkatriċi twieġeb kif id-definizzjoni ta’ x’inhi tqala hija suġġetta għal diskussjoni xjentifika u ħafna jargumentaw li f’dan l-istadju m’hemmx abort għax tipprevjeni li jkun hemm fertilizazzjoni. ”Il-morning after pill hija iktar effettiva meta tohodha l-għada stess, inqas minn 12 il-siegħa wara. Ħafna drabi din twaqqaf li jkun hemm fertilizzazzjoni pero jista’ jagħti l-każ li jkun hemm fertilizzazzjoni u f’dak il-każ twaqqaf implantazzjoni tal-bajda fertilizzata.’” qalet Dibben li nnotat kif hemm kontraċettivi li diġa’ jeżistu li jaħdmu bl-istess mod. Għalhekk ma naqsitx milli tgħid li hemm element ta’ inkonsistenza u għalhekk tajjeb li jkun hemm diskussjoni.