Riċerka medika tat-tabib Malti Dr Miguel Debono fl-Ingilterra, mistennija twassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ pazjenti, inkluż dawk Maltin.
Ir-riċerka hija dwar testijiet li jagħmlu pazjenti li għal tul ta’ żmien, għal xi raġuni medika, ikollhom jieħdu l-isteroids, u kawża ta’ dan tiżviluppalhom kumplikazzjoni li tista’ tkun serja.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, il-Konsulent Endokrinologu li huwa speċjalista tal-ormoni, spejga l-iskariġġ li kienu jagħddu minnu dawn il-pazjenti.
Qal, “Pazjent meta ma jkollux cortisol, jibda jħossu għajjien, stordut u jħoss uġigħ fil-ġisem u aħna meta jirreferulna dawn il-pazjenti nagħmlu testijiet kumplessi, inġibu pazjenti l-isptar, infittxulu appuntament, jidħol neħdulu d-demm nagħtulu injection u nerġgħu neħdulu d-demm, process kumplikat.”
Ir-riċerka tat-tabib Debono flimkien ma’ tim minn Sheffield Teaching Hospitals, uriet li hija waħda effiċjenti u ta’ benefiċċju għall-pazjenti.
Qal, “Ħsibna li nagħmlu studju biex inkejlu din il-cortisol ġol-bżieq u t-test jagħmluh il-pazjenti d-dar u sibna li dan l-istudju t-test huwa kważi accurate daqs kemm huwa t-test kumpless, iġifieri 70% tal-pazjenti ġie l-istess riżultat.”
Fl-istudju li sar fost il-pazjenti fl-Ingilterra, ħareġ li 83% wieġbu li jippreferu jagħmlu dawn it-tip ta’ testijiet f’darhom.
F’dan l-istadju tar-riċerka, it-test beda jintuża fil-kliniċi ta’ Sheffields Hospitals u wara mistenni jinfirex ma’ kliniċi u sptarijiet fl-Ingilterra kollha.
B’dan it-test, li huwa inqas kumpless, il-pazjenti se jħallsu mitt sterlina anqas mit-testijet li kienu jagħmlu qabel.
F’sena waħda, fl-Ingliterra jsiru mad-disgħin elf test, u t-tabib Malti spjega li jekk it-test tagħhom jintuża minn ħamsa u għoxrin elf persuna, dawn ikunu ffrankaw bejn ħames u għaxar miljun ewro lill-pazjenti.
Hawnhekk Dr Miguel Debono spjega kif ħaddiema tas-saħħa mill-isptarijiet Maltin, grazzi għal ftehim bejn il-Gvern u l-Università ta’ Sheffield, se jkollhom sehem f’din ir-riċerka, li eventwalment twassal biex dawn it-tip ta’ testijiet jiġu ntrodotti f’pajjiżna.
Qal, “Il-Ministeru qed joffri fondi ta’ 50,000 ewro għal nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, biex jagħmlu riċerka, aħna bdejna bir-riċerka fuq il-cortisol u biex nibdew dan it-test f’Malta. Fil-fatt għamilna l-interviews u ntażlu żewġ Maltin.”
F’Malta, hawn sebat elef persuna li jieħdu l-isteroids orali u 17,000 persuna li jieħdu steroids bl-inhalers għal tul ta’ żmien; xi ħaġa li tista’ twassal għal dik li tissejjaħ insuffiċjenza adrenali.